Statistika

Reġistru Ċentrali tal-Kreditu

X'inhu r-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu?

Id-Direttiva Nru 14 tal-Bank Ċentrali ta' Malta tobbliga lill-istituzzjonijiet ta' kreditu (banek) liċenzjati mill-MFSA sabiex jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe klijent eżistenti li għandu bilanċ ta' skoperturi li jaqbeż il-€5,000 fl-aħħar tax-xahar. Din l-informazzjoni mhux anonimizzata dwar min jissellef u l-iskoperturi tagħhom tal-kreditu tinżamm b'mod sigur fir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu ('ir-Reġistru') tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Dawk li jissellfu jinkludu kemm persuni legali u kif ukoll naturali iżda jeskludu l-istituzzjonijiet ta' kreditu. Il-banek huma meħtieġa jipprovdu din l-informazzjoni lill-Bank Ċentrali ta' Malta sal-għoxrin jum tax-xahar ta' wara x-xahar li għalih jirreferu l-bilanċi.

Kif tista' taċċessa informazzjoni dwarek mir-Reġistru?

Hemm żewġ modi kif inti tista' titlob aċċess għal estratt bl-informazzjoni tiegħek: (1) billi timla formola onlajn jew (2) billi tibgħat talba bil-posta reġistrata. Ara iktar informazzjoni hawn taħt. Il-Bank Ċentrali ta' Malta jikkonferma li rċieva t-talba tiegħek bil-miktub fil-ġurnata tax-xogħol ta' wara. Jekk ma tasallek l-ebda konferma, inti ġentilment mitlub tikkuntattja lill-Bank Ċentrali ta' Malta fuq (+356) 25504414 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.

It-talba trid tkun sottomessa mill-persuna naturali jew legali, jew mir-rappreżentanti legali tagħhom.

(1) Onlajn: Imla din il-formola onlajn

(2) Bil-Posta: Ibgħat talba bil-posta reġistrata indirizzata lil:

Id-dettalji li għandhom jitniżżlu u l-attachments li għandhom jintbagħtu bil-posta reġistrata jinsabu fil-formola onlajn.

The Principal - Credit Register Regulation and Oversight
Central Bank of Malta
Binja Ġlormu Cassar, St. James's Counterguard
Valletta VLT1060, Malta.

Ikklikkja hawn biex tara kampjun tar-rapport ta' kreditu

Meta l-estratt ikun lest, il-Bank Ċentrali ta' Malta ser jipprovdi r-rapport bl-email skont l-indirizz elettroniku indikat fil-formola onlajn jew kif imniżżel fit-talba mibgħuta bil-posta reġistrata.

Persuni naturali jistgħu jiksbu estratt b'xejn tal-informazzjoni li tikkonċerna lilhom, filwaqt li hemm tariffa ta' €25 għall-persuni legali għal kull estratt. Din it-tariffa għandha titħallas jew bi trasferiment bankarju bl-użu tas-CCR Cost Recovery Account - bin-numru tal-IBAN 'MT65MALT011000040608EURIM12001J' jew b'ċekk bil-posta reġistrata, pagabbli lil 'CCR cost recovery account' u jintbagħat lill-indirzz t'hawn fuq.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Bank Ċentrali ta' Malta billi tibgħat messaġġ permezz tal-formola f'din il-paġna jew iċċempel fuq 25504414.
_________________________________________________________

Ċaħda ta' Responsabbiltà: F'konformità ma' Artikolu 24 tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, l-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu għandha tintuża biss għall-iskopijiet li ġejjin: (a) ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu; (b) analiżi tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja; (ċ) implimentazzjoni tal-politika monetarja; (d) kumpilazzjoni ta' statistika; u (e) biex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tar-riskju ta' kreditu. Għalhekk, din l-informazzjoni m'għandha tintuża għall-ebda skop ieħor bħal pereżempju għal skopijiet ta' reklutaġġ u impjiegi.