Statistika

Reġistru Ċentrali tal-Kreditu

X'inhu r-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu (CCR jew 'Ir-Reġistru')?

Id-Direttiva Nru 14   tal-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) tobbliga lill-istituzzjonijiet tar-rapportar tas-CCR kif definit fid-Direttiva sabiex jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe klijent eżistenti li għandu bilanċ ta' skoperturi li jaqbeż il-€5,000 fl-aħħar tax-xahar.

Din l-informazzjoni mhux anonimizzata dwar min jissellef u l-iskoperturi tagħhom tal-kreditu tinżamm b'mod sigur fir-Reġistru tal-Bank. Dawk li jissellfu jinkludu kemm persuni legali u kif ukoll naturali iżda jeskludu l-istituzzjonijiet ta' kreditu. L-istituzzjonijiet tar-rapportar huma meħtieġa jipprovdu din l-informazzjoni lill-Bank Ċentrali ta' Malta sal-għoxrin jum tax-xahar ta' wara x-xahar li għalih jirreferu l-bilanċi.

Kif taċċessa l-informazzjoni dwarek innifsek fuq ir-Reġistru?

Hemm żewġ modi kif inti tista' titlob aċċess għal estratt bl-informazzjoni tiegħek: (1) billi timla formola online jew (2) billi tibgħat talba bil-posta reġistrata. Ara aktar informazzjoni hawn taħt.  Il-Bank jikkonferma li rċieva t-talba tiegħek bil-miktub fil-ġurnata tax-xogħol ta' wara. Jekk ma tasallek l-ebda konferma, inti ġentilment mitlub iċċempel lill-Uffiċċju għar-Reġistru tal-Kreditu fuq (+356) 2550 0000 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.  

It-talba trid tkun sottomessa mill-persuna naturali jew legali, jew mir-rappreżentanti legali tagħhom.

  1. Online: Imla din il-formola online
  2. Bil-Posta: Ibgħat talba bil-posta reġistrata indirizzata lil:

Il-Maniġer - Uffiċċju għar-Reġistru tal-Kreditu
Bank Ċentrali ta' Malta
Binja Ġlormu Cassar, St James's Counterguard
Valletta VLT1060, Malta. 

Id-dettalji li għandhom jitniżżlu u l-attachments li għandhom jintbagħtu bil-posta reġistrata jinsabu fil-formola online. 

 Sample credit report

Persuni naturali jistgħu jiksbu estratt b'xejn tal-informazzjoni li tikkonċerna lilhom, filwaqt li hemm tariffa ta' €25 għall-persuni legali għal kull estratt. Din it-tariffa għandha titħallas jew bi trasferiment bankarju bl-użu tas-CCR Cost Recovery Account - bin-numru tal-IBAN 'MT65MALT011000040608EURIM12001J' jew b'ċekk bil-posta reġistrata, pagabbli lil 'CCR cost recovery account' u jintbagħat lill-indirizz t'hawn fuq.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ċempel lill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kreditu fuq (+356) 2550 0000 jew ibgħat messaġġ permezz tal-formola f'din il-paġna.

_________________________________________________________

Ċaħda ta' Responsabbiltà: F'konformità ma' Artikolu 24 tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, l-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu għandha tintuża biss għall-iskopijiet li ġejjin: (a) ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu; (b) analiżi tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja; (ċ) implimentazzjoni tal-politika monetarja; (d) kumpilazzjoni ta' statistika; u (e) biex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tar-riskju ta' kreditu. Informazzjoni miżmuma fuq ir-Reġistru m'għandhiex tintuża għal xi skop ieħor ħlief kif ipprovdut espressament fl-Att u fid-Direttiva tal-Bank Ċentrali ta' Malta Nru 14.