News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

21/11/2025 09:21:00

Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2025

Saħħa f'pajsaġġ globali li qed jinbidel

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Rapport Interim tiegħu dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Ir-Rapport, li jkopri l‑ewwel nofs tal‑2025, jispjega kif is-sistema finanzjarja Maltija baqgħet reżiljenti minkejja ambjent globali kumpless.

Ir-riskji ġeopolitiċi globali komplew jiddominaw ix-xena, fost inċertezza akbar xprunata minn tariffi ġodda u kunflitti internazzjonali persistenti. L-inflazzjoni fiż-żona tal-euro mmoderat, u b'hekk sa Ġunju l-Bank Ċentrali Ewropew kompla bil-politika monetarja inqas restrittiva. L‑ekonomija ta' Malta kompliet tikber aktar minn dik taż‑żona tal‑euro, hekk kif kienet megħjuna minn domanda domestika b'saħħitha, għalkemm indikaturi riċenti juru xi sinjali ta' moderazzjoni. L‑inflazzjoni f'Malta telgħet bi ftit matul l‑ewwel nofs tal‑2025, minħabba l-ikel u servizzi relatati mat‑turiżmu, bi tbassir li jindika konverġenza għal madwar 2% fl‑2026 u l‑2027. Il-perspettiva ġenerali tar-riskju tibqa' elevata, xprunata minn tensjonijiet ġeopolitiċi u dawk fil-kummerċ internazzjonali, kif ukoll riskji trażversali relatati mat-tibdil fil-klima, iċ-ċibersigurtà u l-intelliġenza artifiċjali.

Is‑settur bankarju domestiku baqa' reżiljenti, sostnut minn riżervi qawwija ta' kapital u likwidità, kif ukoll assi ta' kwalità tajba. Dan huwa konsistenti mar-riżultati tat-testijiet tal-istress (stress tests). B'mod ġenerali, il-profittabbiltà naqset, l-aktar minħabba dħul mill-imgħax nett aktar baxx u telf mill-fergħat tal-banek barranin. Madankollu, il‑banek domestiċi ewlenin baqgħu profittabbli b'rati tajba li jaqbżu dik tal-medja Ewropea. It-tkabbir fis-self kien primarjament xprunat mis-self residenti għal xiri ta' proprjetà residenzjali u self marbut mal-proprjetà lil kumpaniji mhux finanzjarji. F'dan il-qasam ir-Rapport jispjega kif dawn ix-xejriet qegħdin iżidu r-riskji ta' konċentrazzjoni settorjali.

Is-setturi tal-assigurazzjoni u tal-fondi tal-investiment irreġistraw tkabbir moderat. Filwaqt li l-kundizzjonijiet ta' likwidità ddgħajfu ftit minħabba tnaqqis fl-investiment f'bonds tal-gvern f'diversi pajjiżi, ir-riżervi tagħhom baqgħu suffiċjenti. Is-settur tal-assigurazzjoni lokali baqa' kapitalizzat sew u sostnut minn livelli ta' likwidità relattivament stabbli, filwaqt li l-primjums żdiedu kemm għall-assiguraturi tal-ħajja kif ukoll għal tipi oħra ta' assigurazzjoni. Id-dejn tal-fondi ta' investiment żdied iżda baqa' limitat skont ir-rekwiżiti tal-UCITS.

Ir-Rapport jinkludi wkoll erba' artikli. L-ewwel artiklu jeżamina l-impatt tal-implimentazzjoni tas-CRR3 fuq l-assi stmati abbażi ta' riskju tal-banek. It‑tieni artiklu jippreżenta kategorizzazzjoni tal-banek Maltin ibbażata fuq ir‑riskju tal-kreditu filwaqt li t‑tielet artiklu janalizza l‑evoluzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' pagamenti minn banek, istituzzjonijiet ta' pagament u istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi, u jenfasizza l‑effetti sistemiċi potenzjali. L-aħħar artiklu jesplora rabtiet bejn it-tkabbir ekonomiku u l-primjums tal-assigurazzjoni ta' assiguraturi rilevanti domestikament.

Lura lejn l-Arkivju