News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
24/07/2025 10:19:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2025
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tieni kwart tal‑2025, il-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju fl-ekonomija baqgħu pożittivi, iżda bi prestazzjoni mħallta fost is-setturi. Minn dawk li wieġbu, il-proporzjon nett ta' dawk li rrappurtaw tkabbir laħaq il-livell ta' 22%.1 Dan kien inqas minn dak irrappurtat fl-aħħar tliet snin, iżda ftit aħjar meta mqabbel mal-edizzjoni tal-istħarriġ preċedenti. Fost is-setturi kollha, in-negozji li joperaw fis-settur tas-servizzi rreġistraw l-ogħla proporzjon nett ta' kumpaniji li esperjenzaw tkabbir fl-attività. Il-kundizzjonijiet kienu pożittivi wkoll fis-settur tal-manifattura, u fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà. Min-naħa l-oħra, is-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut irrapporta kundizzjonijiet ġenerali negattivi.
Il-kumpaniji f'Malta esprimew ottimiżmu akbar fir-rigward tal-attività kummerċjali futura meta mqabbla mal-evalwazzjoni tagħhom tal-andament riċenti, hekk kif proporzjon nett ta' 33% tan-negozji intervistati antiċipaw titjib fl-attività tan-negozju fix-xhur li ġejjin. Dan jirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-livell ta' 35% li ġie rrappurtat fil-kwart ta' qabel. Il-kumpaniji fis-settur tas-servizzi jirrappurtaw l-aktar prospetti favorevoli, segwiti mis-settur tal-manifattura. In-negozji fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà baqgħu ottimisti imma kawti, filwaqt li l-aspettattivi għas-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut huma negattivi. Dan minħabba żieda fil-kompetizzjoni, konsumaturi aktar sensittivi għall-prezzijiet u inċertezza ekonomika.


Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu mifruxa iżda mmoderaw, hekk kif il-proporzjon nett tal‑kumpaniji li rrappurtaw żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni naqas minn 81% fil-kwart ta' qabel għal 63% fit‑tieni kwart. Il-bilanċ tan-negozji li jirrappurtaw żidiet fil-prezzijiet tal-bejgħ niżel bi ftit għal 42% minn 48% qabel.
Il-proporzjon nett tan-negozji li għandhom l‑intenzjoni li jżidu l‑investiment naqas għal 13%, minn 24% fl‑ewwel kwart. L-investiment kompla jiġi xprunat minn fatturi bħan-nefqa kapitali, tkabbir, titjib fl-effiċjenza, u sforzi ta' diversifikazzjoni.
Il-pjanijiet tan-negozji dwar l-impjiegi huma ġeneralment konsistenti ma' dawk tal-ewwel kwart, b'45% netti jistenna li jirreklutaw, meta mqabbla ma' 46% fil-kwart ta' qabel. Madankollu, l-attrazzjoni u ż-żamma ta' ħaddiema tas-sengħa jibqgħu sfida.
Din il-pubblikazzjoni tinkorpora wkoll silta li tiffoka fuq it-tweġibiet tal-kumpaniji dwar l-impatt potenzjali tat-tariffi. Din is-silta tinnota inċertezza sostanzjali.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.
1 Il-fehmiet espressi huma biss dawk tal-kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l-fehmiet tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju