News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

24/11/2023 10:25:00

Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2023

Is-Sistema finanzjarja Maltija tibqa’ reżiljenti minkejja sfidi internazzjonali

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja. L-analiżi f'dan ir-Rapport, li tkopri l-ewwel nofs tas-sena, tosserva li s-settur finanzjarju f'Malta baqa' sod u dan minkejja inċertezza globali makroekonomika, riskji ġeopolitiċi elevati, u volatilità fis‑swieq internazzjonali.

Il‑banek komplew isaħħu l‑kapital tagħhom. Il‑profittabbiltà tal‑banek tjiebet, l-aktar minħabba tkabbir sostnut fis-self, titjib fil-marġini u żieda fid-dħul mill‑imgħax minn depożiti miżmuma mal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑kwalità tas-self kompliet titjieb, hekk kif il‑proporzjon tas-self li ma jrendix (NPLs) kompla jonqos, filwaqt li l‑likwidità baqgħet għolja. Ir‑riżultati tat‑testijiet tal‑istress li jidhru fir‑Rapport ikkonfermaw din l‑evalwazzjoni pożittiva fuq il‑banek. Ir-riskji għal bqija tas-settur finanzjarju lil hinn mill-banek baqgħu mrażżna u sostnuti minn livelli għolja ta' kapital u likwidità. Kompliet tippersisti domanda aktar baxxa għall-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja. Ir-Rapport jgħid ukoll li l-inflazzjoni tista' toħloq sfidi għan-negozju tal-assigurazzjoni non-life. Min-naħa l-oħra, il-fondi ta' investiment, fil-biċċa l-kbira tagħhom, komplew iżommu assi likwidi u baqgħu joperaw b'livell ta' dejn limitat, filwaqt li naqsu r-riżervi ta' flus u depożiti tagħhom.

Filwaqt li r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja baqgħu baxxi f'Malta, ir-Rapport Interim irrefera wkoll għal sfidi emergenti li jistgħu jolqtu s-settur fil-futur. Dawn jinkludu l-isfidi li ġejjin mit-tibdil fil-klima, u ekonomija dejjem aktar diġitalizzata.

Ir-Rapport jinkludi wkoll tliet artikli, li jħarsu lejn l-istruttura tal-qafas tal-kapital tal-banek, aġġornament ta' studju fuq konnessjoni bejn is-settur finanzjarju u setturi sensittivi għall-klima, u metodoloġija riveduta għall-għażla ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni b'rilevanza lokali. Ir-Rapport jinkludi wkoll artiklu speċjali fuq il-kalkolu tal-credit gaps ibbażati fuq multivariate filters. 

Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2023

Lura lejn l-Arkivju