News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

20/10/2023 10:55:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-raba’ edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2023

L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tielet kwart tal‑2023, proporzjon nett ta' 44% tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju żdied meta mqabbel mal-kwart ta' qabel (34%).

Proporzjon nett ta' 47% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin, marġinalment ogħla minn 46% fil-kwart preċedenti.

Fid-dawl tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-provvista, iż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu b'mod konsiderevoli iżda xorta għadhom għoljin meta mqabbla ma' snin riċenti. Fil-fatt, 46% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, li huwa inqas mil-livell ta' 62% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel.

Meta ntalbu jikkummentaw dwar l-aspettattivi tal-ispiża għal kull prodott matul it-tnax-il xahar li ġejjin, il-biċċa l-kbira tan-negozji qed jistennew li dawn jibqgħu stabbli jew li jkomplu jiżdiedu. Madankollu, il-livell għoli ta' inċertezza globali għamilha diffiċli lil bosta oħrajn milli jgħaddu ġudizzju sod.

Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla kien fil-livell ta' 48% fit-tielet kwart tas‑sena, tnaqqis minn 53% mill-kwart ta' qabel.

Fit-tielet kwart tal-2023, il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar niżel għal 50%, minn 62% fit-tieni kwart.

Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom naqas b'sittax-il punt perċentwali għal proporzjon nett ta' 45%. Il-kumpaniji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, kif ukoll il-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi. Fil-fatt, mistoqsijiet addizzjonali juru li proporzjon kbir ta' negozji kkuntattjati jistennew li l-pagi din is-sena u ta' wara jiżdiedu b'aktar minn 5%.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.

Lura lejn l-Arkivju