News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

02/10/2023 12:45:00

Il‑Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil-Laqgħa Annwali tal-AIIB fl-Eġittu

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, ipparteċipa fit‑Tmien Laqgħa Annwali tal‑Bank Asjatiku għall‑Investiment fl‑Infrastruttura (AIIB) f'Sharm EL Sheikh, l‑Eġittu, fil‑25 u s‑26 ta' Settembru 2023.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, jattendi l-konferenza tal-AIIB
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, jattendi l-konferenza tal-AIIB

Il-laqgħa annwali ta' din is-sena, bit-tema "Sustainable Growth in a Challenging World", hija l-ewwel laqgħa annwali wiċċ imb wiċċ tal-AIIB mill-2019, u l-ewwel waħda fl-Afrika.

Il-laqgħa annwali hija l-avveniment ewlieni tal-AIIB, li għaliha attendew delegazzjonijiet ta' livell għoli minn pajjiżi madwar id-dinja. Il-programm ta' din is-sena kien jikkonsisti f'Ċerimonja tal-Ftuħ, Business Round Table tal-Gvernaturi, Sessjoni Uffiċjali tal-Gvernaturi, u serje ta' avvenimenti ta' involviment pubbliku u soċjali.

Il-Business Roundtable tal-Gvernaturi
Il-Business Roundtable tal-Gvernaturi

L-Eċċellenza tiegħu l-President Abdel Fattah El-Sisi tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu attenda ċ-ċerimonja tal-ftuħ. Fid-diskors tiegħu tal-ftuħ, il-President tal-AIIB Jin Liquin laqa' lill-parteċipanti kollha u ħabbar it-tnedija tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Bank dwar il-Klima. Il-pjan jiddeskrivi pass importanti fl-impenn kontinwu tal-Bank għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-President Abdel Fatah El-Sisi tal-Eġittu waqt l-intervent tiegħu matul id-diskorsi tal-ftuħ
Il-President Abdel Fatah El-Sisi tal-Eġittu waqt l-intervent tiegħu matul id-diskorsi tal-ftuħ

Fis-Sessjoni Uffiċjali tal-Gvernaturi, il-Gvernaturi taw kontribut bl-għarfien u l-gwida imprezzabbli tagħhom dwar id-direzzjoni u l-inizjattivi strateġiċi tal-AIIB u vvutaw fuq diversi riżoluzzjonijiet relatati mal-Bank.

Fil-marġni tal-laqgħat annwali, il-Professur Edward Scicluna ltaqa’ wkoll ma’ Dr Mohamed Maait, Ministru tal-Finanzi tal-Eġittu u Gvernatur u President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-AIIB.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna ma’ Dr Mohamed Maait, Ministru tal-Finanzi tal-Eġittu u Gvernatur u President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-AIIB, l-ospitant tal-laqgħa annwali ta’ din is-sena
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna ma’ Dr Mohamed Maait, Ministru tal-Finanzi tal-Eġittu u Gvernatur u President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-AIIB, l-ospitant tal-laqgħa annwali ta’ din is-sena

L-AIIB huwa bank multilaterali għall-iżvilupp, li Malta hija membru fundatur tiegħu, bil-missjoni li tiffinanzja l-"Infrastruttura ta' Għada", jiġifieri infrastruttura b'sostenibbiltà fil-qalba tagħha. Fil-fatt, l-AIIB jissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijenti billi jiftaħ kapital ġdid u jinvesti f'infrastruttura ekoloġika, megħjuna mit-teknoloġija u li tippromwovi l-konnettività reġjonali.

L-operat beda f'Beijing f'Jannar 2016. Illum, il‑Bank għandu 106 membru approvat madwar id‑dinja.

Laqgħa Annwali tal-AIIB fl-Eġittu

Lura lejn l-Arkivju