News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
24/08/2023
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2023-2025 – Il-Prodott Domestiku Gross mistenni jikber b’ritmu aktar moderat
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank, il‑prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni li jikber bi 3.7% din is‑sena, rata inqas minn dik ta' ftit aktar minn 7% fl‑2022. Dan mistenni jinżel bi ftit, għal 3.6%, sal‑2025. Dan huwa reviżjoni 'l isfel meta mqabbel mat-tbassir preċedenti.
Fl-2023, l-esportazzjoni netta mistennija li tkun il-kontributur ewlieni għat-tkabbir fil-PDG, filwaqt li d-domanda domestika mistennija li tnaqqas it-tkabbir minħabba tnaqqis previst fl-investiment li jegħleb kontribuzzjonijiet pożittivi mill-konsum. It-tnaqqis previst fl-investiment isegwi tkabbir straordinarju fl-2022 li mhux mistenni jirrepeti ruħu dis-sena. Mill-2024, id-domanda domestika mistennija li tixpruna t-tkabbir.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera fil-perjodu tat-tbassir, filwaqt li l-pagi mistennija li jirpiljaw minħabba l-inflazzjoni relattivament għolja u suq tax-xogħol restrittiv.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur mistennija li tkun fil-livell ta' 5.9% din is-sena, marġinalment taħt is-6.1% fl-2022. Għalhekk, huwa mbassar li din tibqa' għolja minħabba effetti indiretti li qed jippersistu permezz tar-rispons tal-pagi għaż-żidiet riċenti fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-marġni tal-qligħ.
Id-defiċit tal-gvern ġenerali mistenni jonqos matul il-perjodu kollu tat-tbassir, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jitla' bi ftit, u li jilħaq il-livell ta' 54.7% sal-2025.
Ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu lejn in-negattiv għall-2023 u bbilanċjati minn hemm 'il quddiem, filwaqt li dawk għall-inflazzjoni għandhom ikunu bbilanċjati għall-perjodu kollu tat-tbassir. Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi (żieda fl-iżbilanċ) partikolarment fl-2023. Dawn jirriflettu prinċipalment miżuri addizzjonali ta' appoġġ għall-Air Malta u nfiq ogħla milli mistenni fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-kumpens għall-qtugħ tad-dawl.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ analiżi addizzjonali. L-ewwel waħda tiddokumenta l-iżviluppi fl-istimi tal-persistenza tal-inflazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq it-tbassir. It-tieni analiżi tevalwa l-iżviluppi riċenti fil-profitti u l-implikazzjonijiet fuq it-tbassir.
|
2023
|
2024
|
2025
|
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
3.7
|
3.6
|
3.6
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
5.9
|
3.1
|
2.3
|
Rata tal-qgħad
|
3.0
|
3.1
|
3.1
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-4.8
|
-3.5
|
-3.3
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
54.0
|
54.5
|
54.8
|
Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju