News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
27/07/2023
Kundizzjonijiet tan-negozju inqas pożittivi iżda s-settur privat għadu kunfidenti ferm - Pubblikazzjoni tat-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2023
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tieni kwart tal‑2023, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju naqas meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Dan kien fil-livell ta' 34%, li hu inqas minn 41% fl-ewwel kwart tas-sena.
L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma kemxejn inqas pożittivi meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Proporzjon nett ta' 46% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fit-tliet xhur li ġejjin, li hu inqas mil-livell ta' 48% rreġistrat fil-kwart ta' qabel. Fil-kummenti tiegħu, il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, qal li, "Mid-djalogu kummerċjali tagħna għat-tieni kwart ta' din is-sena ġie żvelat li s-settur privat għadu kunfidenti ferm fir-rigward ta' aktar investiment u impjiegi minkejja d-deterjorament fil-kundizzjonijiet tan-negozju u ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni".
Fid-dawl tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-provvista, il-proporzjon nett ta' dawk li rrappurtaw żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni naqas iżda xorta għadu għoli meta mqabbel ma' snin riċenti. Fil-fatt, 62% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, marġinalment taħt il-livell ta' 64% rrappurtat fil-perjodu preċedenti.
Meta ntalbu jikkummentaw dwar l-aspettattivi tal-ispiża għal kull prodott matul it-tnax-il xahar li ġejjin, il-biċċa l-kbira tan-negozji qed jistennew li dawn jibqgħu stabbli jew li jkomplu jiżdiedu. Madankollu, il-livell għoli ta' inċertezza globali impedixxa lil bosta oħrajn milli jgħaddu ġudizzju sod.
Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla kien fil-livell ta' 53% fit-tieni kwart tas‑sena, żieda minn 42% mill-kwart ta' qabel. Iż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ kienu jinħassu l-aktar fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.
Fit-tieni kwart tal-2023, il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu żdied minn 48% għal 62%. Il-predispożizzjoni għall-investiment żdied fis-setturi kollha, ħlief fis-settur tal-proprjetà immobbli u tal-kostruzzjoni. Tweġibiet addizzjonali dwar is-sorsi ewlenin ta' finanzjament tal-investimenti juru li kważi nofs in-negozji intervistati qed jistennew li l-investimenti jkunu ffinanzjati minn fondi interni, filwaqt li 17% qalu li ser ikunu ffinanzjati permezz ta' faċilitajiet bankarji biss. Barra minn hekk, ftit kumpaniji rrappurtaw spejjeż ogħla ta' finanzjament, u dan kien fil-biċċa l-kbira fil-forma ta' spejjeż bankarji ogħla aktar milli rati ogħla tal-imgħax.
Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom żdied bi ħmistax-il punt perċentwali għal proporzjon nett ta' 61%. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fost il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut u tas-servizzi. Il-kumpaniji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.
Lura lejn l-Arkivju