News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
25/07/2023
FSR 2022: Titjib fil-Profittabbiltà tal-Banek u fil-Kwalità tal-Assi
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika l‑ħmistax‑il edizzjoni tar‑Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fejn jipprovdi evalwazzjoni dettaljata tal‑iżviluppi lokali u internazzjonali li jistgħu jħallu impatt fuq l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja Maltija. Din l-analiżi, li tkopri l-iżviluppi li seħħew fl-2022, tinkludi wkoll testijiet magħrufa bħala top-down stress tests u analiżi tas-sensittività għal xenarji varji, sabiex tiġi ddeterminata r-reżiljenza tas-sistema bankarja.
It-titjib ekonomiku globali ta' wara l-pandemija kien kemxejn imxekkel mill-gwerra fl-Ukrajna, u dan ikkawża aktar diffikultajiet fil-provvista tal-prodotti u intensifikar fiż-żieda tal-prezzijiet. Il-banek ċentrali madwar id-dinja ħadu miżuri permezz tal-politika monetarja tagħhom biex irażżnu l-inflazzjoni. Fiż-żona tal-euro, ir-rati ewlenin tal-imgħax żdiedu b'rata mgħaġġla, filwaqt li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) waqqaf ukoll il-Programmi tiegħu ta' Xiri ta' Assi, biex b'hekk temm era twila ta' rati baxxi tal-imgħax. Dawn l-impatti ekonomiċi wasslu għal volatilità għolja fis-swieq finanzjarji fejn il-prezzijiet tal-ishma u tal-bonds naqsu b'mod sinifikanti, u b'hekk il-qligħ preċedenti fuq dawn l-assi ntilef.
Minkejja dawn l‑isfidi, kien hemm titjib fil‑profittabbiltà tal‑banek lokali. Id-dħul mill-attivitajiet ta' intermedjazzjoni żdied permezz ta' self sostnut u titjib fil-marġini tal-qligħ. Barra minn hekk, il-banek bdew jitħallsu imgħax fuq depożiti mqiegħda mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, filwaqt li żdied ukoll id-dħul mill-portafolji tal-bonds. Fl-istess waqt, il-kwalità tal-assi tjiebet ukoll b'mod konsiderevoli u dan bis-saħħa ta' tnaqqis fis-self li ma jrendix (NPLs). It-tkabbir fis-self baqa' l-aktar xprunat minn dak marbut ma' proprjetà residenzjali, għalkemm is-self lil kumpaniji lokali rkupra wkoll. Dan kien l-aktar dovut ukoll għas-settur tal-proprjetà hekk kif id-domanda rpiljat wara t-tnaqqis fir-ritmu rrappurtat matul il-pandemija. Il‑konċentrazzjoni fil‑portafoll tas‑self tal‑banek kompliet tintensifika, filwaqt li l-akkumulazzjoni ta' riskji ċikliċi kompliet tippersisti.
Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi ta investiment b'rilevanza lokali ġew milquta ħażin mill-volatilità fis-swieq finanzjarji. Dan affettwa d-dħul mill-investiment u l-kompożizzjoni tal-balance sheet tagħhom. Madankollu, is-setturi tal-assigurazzjoni u tal-fondi ta' investiment komplew joperaw b'kapital u likwidità b'saħħithom, li għandhom jgħinu biex jilqgħu għal xi sfidi li potenzjalment jistgħu jirriżultaw mill-inċertezza kontinwa fl-andament tal-ekonomija globali u minħabba l-inflazzjoni.
Ir-Rapport jirrakkomanda viġilanza għal żviluppi negattivi li potenzjalment jista' jkollhom impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja. It-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku globali flimkien ma' pressjonijiet inflazzjonarji jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-ħlas lura ta' self u dan b'konsegwenzi fuq il-kwalità tal-assi tal-banek. Barra minn hekk, id-dħul tal-banek mill-intermedjazzjoni jista' jiġi affettwat ħażin jekk id-domanda għas-self tiddgħajjef b'mod sinifikanti. F'dan l-isfond, il-banek għandhom ikomplu jadottaw prattici konservattivi ta' self u jżommu likwidità u kapital b'saħħithom u jkomplu jgħassu għal riskji emerġenti oħra għall-istabbiltà finanzjarja, bħal riskji ċibernetiċi u dawk relatati mat-tibdil fil-klima.
Il-pubblikazzjoni tinkludi numru ta' artikli dwar suġġetti varji. L‑ewwel artiklu jintroduċi indikatur ċikliku tar‑riskju sistemiku lokali. Dan issa jagħmel parti mill-għodda tal‑Bank Ċentrali biex jiggwidah fid‑deċiżjonijiet tiegħu dwar il‑politika makroprudenzjali lokali. It-tieni artiklu jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-introduzzjoni tal-bafer dwar ir-riskju sistemiku settorjali (sSyRB) għall-banek lokali fl-2023. Dan kien immirat b'mod speċifiku lejn self fuq proprjetà lokali. It-tielet artiklu jiffoka dwar ir-riżultati ewlenin tal-istħarriġ dwar l-istandards tas-self tal-banek, fejn dawk li wieġbu indikaw ambjent li dejjem qed isir aktar diffiċli, hekk kif l-ispiża tal-finanzjament tagħhom qed tiżdied, u permezz ukoll ta' rati ogħla tal-imgħax fuq depożiti individwali għal xi banek matul l-2022. Ir-raba' artiklu jippreżenta dettalji dwar qafas ġdid li jikkwantifika rikonoxximent ta' telf ta' kreditu mistenni tal-banek kemm minħabba pressjonijiet inflazzjonarji ipotetiċi, kif ukoll żidiet fir-rati tal-imgħax. Il-ħames artiklu jitkellem dwar it-trattament fil-kotba tal-banek tal-investimenti finanzjarji skont l-IFRS 9. Is-sitt artiklu jippreżenta t-tieni fażi tal-qafas ta' stress tests fuq il-familji, bl-enfasi tkun fuq l-evalwazzjoni tar-reżiljenza ta' dawn il-familji midjunin għall-pressjonijiet inflazzjonarji u għall-impatti ta' rati tal-imgħax ogħla. L-analiżi tidentifika xi vulnerabbiltajiet f'familji bi dħul baxx iżda tikkonkludi li b'mod ġenerali li familji Maltin li ħadu self mill-banek jibqgħu reżiljenti għal impatti ta' żidiet fir-rati tal-imgħax. Din l-edizzjoni tar-Rapport tinkludi wkoll analiżi dwar indikaturi esperimentali dwar it-tibdil fil-klima għal Malta, wara li dawn ġew ippubblikati mill-BĊE bħala parti mill-pjan ta' azzjoni wiesgħa tiegħu dwar il-klima.
Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel mis-sit elettroniku jew jinkiseb fil-forma stampata mill-Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju