News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
16/06/2023
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2023-2025
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank, it‑tkabbir tal‑prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni li jonqos minn madwar 7.0% fl‑2022 għal 4.0% fl‑2023, u li jbatti ftit aktar għal 3.8% u 3.7% fl‑2024 u fl‑2025, rispettivament. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, l-aħħar tbassir tal-Bank għall-PDG huwa rivedut 'il fuq matul il-perjodu kollu ta' tbassir. Fil-fatt, it-tkabbir fil-PDG ġie rivedut 'il fuq b'0.3 ta' punt perċentwali fl-2023, u b'0.2 ta' punt perċentwali fl-2024 u l-2025.
Fl-2023, l-esportazzjoni netta mistennija li tkun il-kontributur ewlieni għat-tkabbir fil-PDG. Dan jirrifletti t-tnaqqis drastiku mistenni fl-importazzjoni (l-importazzjoni tal-merkanzija mistennija li tonqos wara l-investment qawwi fis-settur tal-avjazzjoni fl-2022), kif ukoll tkabbir b'saħħtu fl-esportazzjoni. Sadattant, id-domanda domestika mistennija li tikber b'rata inqas mgħaġġla, hekk kif it-tnaqqis previst fl-investiment għandu jegħleb kontribuzzjonijiet pożittivi mill-konsum tal-gvern u dak privat. Mill-2024, id-domanda domestika mistennija li tixpruna t-tkabbir, hekk kif it-tkabbir fil-konsum privat mistenni li jibqa' relattivament b'saħħtu minkejja inflazzjoni relattivament għolja. L-esportazzjoni netta prevista wkoll li tikkontribwixxi b'mod pożittiv fl-2024 u l-2025, minħabba esportazzjoni b'saħħitha ta' servizzi.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera għal 3.6% fl-2023 minn 6.0% fl-2022, li parzjalment jirrifletti n-normalizzazzjoni prevista fil-mixja tal-attività ekonomika lejn it-tkabbir potenzjali. Fis-sentejn ta' wara, l-impjiegi mistennija jiżdiedu bi 2.7% u 2.4%, rispettivament.
Minħabba inflazzjoni relattivament għolja, kif ukoll kundizzjonijiet stretti tas-suq tax-xogħol, it-tkabbir nominali fil-pagi mistenni li jkun relattivament qawwi minn perspettiva storika. Għalhekk, il-paga medja mistennija li tiżdied b'5.5% fl-2023, b'4.9% fl-2024 u bi 3.9% fl-2025. Din iż-żieda tisboq l-inflazzjoni għall-konsumatur lejn it-tmiem tal-perjodu tat-tbassir.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija timmodera għal 5.3% fl-2023, hekk kif ix-xkiel fil-provvista internazzjonali mistenni li jkompli jbatti. Madankollu, l-effetti indiretti persistenti minn żidiet riċenti fl-ispejjeż tal-produzzjoni mistennija li jżommu l-inflazzjoni għolja minn perspettiva storika. It-tnaqqis fl-inflazzjoni fl-2023 jirrifletti tnaqqis mifrux fil-komponenti kollha tal-HICP, ħlief għal dik tal-enerġija, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija mistennija li jibqgħu fissi permezz tal-miżuri tal-gvern. Is-servizzi huma previsti li jkunu l-kontributur ewlieni għall-inflazzjoni HICP, iżda l-ikel u l-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija (NEIG) ukoll huma mbassrin li jikkontribwixxu b'mod qawwi għall-inflazzjoni annwali HICP fl-2023.
Id-defiċit tal-gvern ġenerali mistenni li jonqos għal 4.9% tal-PDG fl-2023, minn 5.8% fl-2022. Hu mbagħad imbassar li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir u jilħaq it-3.4% tal-PDG sal-2025. Dan it-titjib hu xprunat minn sehem dejjem jonqos tal-infiq fil-PDG, l-aktar minħabba l-profil ta' miżuri ta' mitigazzjoni relatati mal-inflazzjoni. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mistenni li jiżdied matul il-perjodu kollu tat-tbassir u jilħaq il-livell ta' 55.3% sal-2025. Dan hu xprunat mil-livell mistenni ta' żbilanċ, li jisbqu l-impatt favorevoli tat-tkabbir ekonomiku meta mqabbel mar-rata tal-imgħax.
Ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu lejn in-negattiv għall-2023 u l-2024 u huma aktar ibbilanċjati minn hemm 'il quddiem. Ir-riskji negattivi ewlenin huma marbutin mal-possibbiltà ta' dgħufija akbar minn dik prevista fis-sitwazzjoni internazzjonali. Din tista' twassal għal tnaqqis fl-esportazzjoni. Id-domanda minn barra tista' tkun ukoll aktar dgħajfa milli mistenni jekk il-politika monetarja fl-ekonomiji avvanzati tissikka b'ritmu aktar mgħaġġel minn dak mistenni f'dan it-tbassir. Statistika tal-PDG għall-ewwel kwart tas-sena timplika wkoll xi riskji negattivi għad-domanda domestika. Min-naħa l-oħra, il-konsum privat jista' jissorprendi b'mod pożittiv jekk it-tkabbir fil-pagi jkun ogħla milli mistenni, b'mod partikolari lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir.
Ir-riskji għall-inflazzjoni jxeqilbu 'l fuq matul il-perjodu kollu tat-tbassir. Fil-fatt, l-inflazzjoni tista' tkun aktar persistenti milli mistenni fit-tbassir u tista' tkompli tiġi affettwata minn effetti indiretti minn żidiet passati fil-prezzijiet tal-prodotti. Barra minn hekk, l-effetti sekondarji minn pagi u marġni tal-qligħ ogħla jistgħu wkoll itawlu l-inflazzjoni għolja. B'kuntrarju għal dan, aktar issikkar monetarju u tnaqqis fid-domanda minn barra jistgħu jbattu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq żmien medju.
Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi (żieda fl-iżbilanċ) partikolarment fl-2023. Dawn jirriflettu prinċipalment il-probabbiltà ta' miżuri addizzjonali ta' appoġġ għall-Air Malta. Ir-riskji relatati mat-tnaqqis fl-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir huma prinċipalment relatati mat-tmiem tal-'general escape clause' fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fi tmiem l-2023.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ analiżi speċifiċi separati. L-ewwel analiżi tiddokumenta t-trażmissjoni riċenti tar-rata tal-imgħax mir-rati tal-politika monetarja għar-rati tas-self offruti mill-banek f'Malta, u l-impatt fuq it-tkabbir tal-PDG u l-inflazzjoni. It-tieni analiżi tirrapporta dwar il-kompożizzjoni tas-sussidji tal-gvern tul il-perjodu tat-tbassir.
|
|
2023
|
2024
|
2025
|
|
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
4.0
|
3.8
|
3.7
|
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
5.3
|
2.9
|
2.3
|
|
Rata tal-qgħad
|
3.0
|
3.1
|
3.1
|
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-4.9
|
-3.6
|
-3.4
|
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
54.4
|
55.0
|
55.3
|
Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju