News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

27/04/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2023

L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji juri li fl‑ewwel kwart tal‑2023, il-proporzjon nett tal‑kumpaniji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju tjieb meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività żdied minn 27% fil-kwart preċedenti għal 41% fl-ewwel kwart tal-2023. Dan minħabba li l-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju żdied għal 62%, filwaqt li l-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw deterjorament naqas għal 21%.

L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma iktar ottimisti meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Fl-ewwel kwart tal-2023, proporzjon nett ta' 48% qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fit-tliet xhur li ġejjin. Dan jitqabbel ma' proporzjon nett ta' 31% fil-kwart ta' qabel.

Fid-dawl tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-provvista, iż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu b'mod konsiderevoli iżda xorta għadhom għoljin meta mqabbla ma' snin riċenti. Fil-fatt, 64% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, proporzjon ferm aktar baxx minn dak irrappurtat fil-perjodu preċedenti (82%).

Bi tweġiba għal mistoqsija ad hoc li tirreferi għall-aspettattivi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità fit-tnax-il xahar li ġejjin, il-kumpaniji jinsabu inqas imħassba dwar iż-żidiet futuri fl-ispejjeż. Fil-fatt, 11% tan-negozji qed jantiċipaw tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni matul it-tnax-il xahar li ġejjin. Barra minn hekk, il-proporzjon tal‑kumpaniji li qed jantiċipaw żieda fl‑ispejjeż naqas minn 52% fl‑aħħar kwart tal‑2022 għal 39% fl-ewwel kwart tal-2023. Minħabba l-klima ta' inċertezza ekonomika globali f'dawn l-aħħar snin, 11% ma kinux lesti li jaqsmu l-aspettattivi tagħhom, filwaqt li l-kumplament tal-kumpaniji jistennew li l-prezzijiet jibqgħu l-istess.

Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla kien fil-livell ta' 42% fl‑ewwel kwart tas‑sena, tnaqqis minn 52% mill-kwart ta' qabel. F'dan il-perjodu ta' djalogu, in-negozji ntalbu wkoll jikkummentaw dwar il-frekwenza tar-reviżjonijiet tal-prezzijiet tal-bejgħ, u l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji nnutaw li kienu qed ibiddlu l-prezzijiet tal-bejgħ abbażi tal-bidliet fl-ispejjeż aktar milli f'intervalli fissi. Għalhekk, il-frekwenza tat-tibdil fil-prezzijiet tvarja b'mod sinifikanti. Diversi negozji jbiddlu l-prezzijiet kuljum filwaqt li oħrajn huma marbuta b'kuntratti predeterminati li jippermettu biss reviżjonijiet mhux frekwenti.

Fl-ewwel kwart tal-2023, il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied minn 27% għal 48%, hekk kif il-proporzjon gross tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied minn 48% għal 60%, filwaqt li l-proporzjon tan-negozji li qed jippjanaw li jnaqqsu l-investiment naqas bi tmien punti perċentwali għal 13%.

Filwaqt li l‑kundizzjonijiet u l‑aspettattivi tan‑negozju tjiebu fl-ewwel kwart, il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema naqas bi tnax-il punt perċentwali għal proporzjon nett ta' 46%. Il-proporzjon nett tan-negozji li għandhom bżonn li jżidu n-numru ta' ħaddiema kien l-ogħla fost in-negozji tal-kostruzzjoni u l-bejgħ ta' proprjetà (60%). Minkejja tnaqqis fid-domanda għall-ħaddiema, in-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi. Fil-fatt, din il-pubblikazzjoni tinkludi silta li tenfasizza l-isfidi tas-suq tax-xogħol f'dan l-isfond ekonomiku attwali.

Silta oħra tħares lejn l-isfidi ewlenin li n-negozji qed jiffaċċjaw. L-akbar sfida sinifikanti ġiet identifikata bħala d-disponibbiltà ta' ħaddiema b'kapaċitajiet neċessarji, li ssemmiet minn 27% tan-negozji, segwita minn spejjeż ogħla tal-produzzjoni.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju