News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
20/12/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bir-roża
Il-Bank Ċentrali ta' Malta, permezz tal-Kumitat għall-Attivitajiet Kulturali, ingħaqad ma' organizzazzjonijiet u individwi oħrajn sabiex jiġbor fondi u titqajjem kuxjenza għal Pink October u Movember.
F'attività partikolari, l-impjegati tal-Bank kienu mħeġġa jilbsu l-kulur roża u mal-wasla tagħhom il-Bank, kienu milqugħa b'muffins roża u blu, bħala inkoraġġiment sabiex titqajjem kuxjenza u jinġabru fondi għall-Marigold Foundation.

Ritratt: Melvin Bugeja
Il-maniġment u l-impjegati tal-Bank Ċentrali ta' Malta ġabru s-somma ta' €1,500 għal din l-inizjattiva, waħda minn ħafna mwettqa mill-Bank bħala parti mill-programm wiesa' ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.
Il‑fondi kienu ppreżentati mid‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Mr Oliver Bonello lil Ms Alexia Gatt Spearing fil‑binja tal-Marigold Foundation fil-Marsa.
Filwaqt li rringrazzja lill-maniġment u l-impjegati tal-Bank għad-donazzjonijiet tagħhom, Ms Gatt Spearing spjegat li l-Marigold Foundation torganizza kampanji ta' għarfien u attivitajiet ta' ġbir ta' fondi. L-avvenimenti ta' Pink October u Movember huma maħsuba biex jagħmlu lin-nies konxji dwar l-importanza li wieħed jiċċekkja lilu nnifsu għall-kanċer tas-sider u l-kanċer tat-testikoli - irrispettivament mill-età tal-persuna.

Lura lejn l-Arkivju