News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

16/12/2022

It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2022-2025

Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni li jikber b'6.8% din is-sena u bi 3.7% fl-2023, segwiti minn rati ta' tkabbir ta' 3.6% u 3.5% fl-2024 u fl-2025, rispettivament. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, dawn il-previżjonijiet jinkludu reviżjoni 'l fuq ta' 1.6 punti perċentwali għall-2022, u reviżjonijiet 'l isfel ta' 0.8 ta' punt perċentwali għall-2023 u ta' 0.1 ta' punt perċentwali għall-2024. Ir-reviżjoni 'l fuq fl-2022 tirrifletti attività ekonomika aktar dinamika milli kien previst qabel għall-ewwel nofs tas-sena, speċjalment fit-turiżmu u l-konsum privat. Dan l-irkupru aktar mgħaġġel iwassal għal rivalutazzjoni 'l isfel fit-tkabbir tal-PDG speċjalment għall-2023, u ftit fl-2024, xprunat ukoll minn deterjorament fix-xenarju internazzjonali u l-effetti ta' inflazzjoni ogħla.

Fl-2022, kemm id-domanda domestika kif ukoll l-esportazzjoni netta huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tkabbir fil-PDG, minħabba tkabbir relattiviment b’saħħtu fl-esportazzjoni u l-konsum privat. Il-miżuri fiskali li jtaffu l-prezzijiet ikomplu jipprovdu appoġġ lill-households u lill-kumpaniji, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta għadhom fissi. Għalhekk, l-inflazzjoni, filwaqt li hija ogħla sew mill-mira, għadha taħt dik fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Parzjalment minħabba dan l-appoġġ, Malta hija mistennija li tevita l-pressjonijiet ta’ reċessjoni li qed jiffaċċjaw xi wħud mis-sħab kummerċjali tagħha.

Għall-ġejjieni, id-domanda domestika mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir hekk kif jirkupra l-investiment u l-konsum jibqa' relattivament b'saħħtu. Il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni li jinbidel ftit fin-negattiv iżda jibqa' pjuttost pożittiv fis-snin l-oħra, minħabba n-normalizzazzjoni gradwali tat-turiżmu u t-tkabbir fid-domanda minn barra b'mod aktar ġenerali.

It-tkabbir fl-impjiegi fl-2022 mistenni li jilħaq l-4.9%, żieda minn 2.9% fl-2021. Imbagħad mistenni li jimmodera għal ftit aktar minn 2% sal-2025. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tonqos għal 3.0% din is-sena, minn 3.5% s-sena l-oħra u hi mistennija li tibqa' madwar dan il-livell storikament baxx matul il-perjodu tat-tbassir.

Fid-dawl taż-żieda fl-inflazzjoni għal din is-sena, flimkien ma' kundizzjonijiet stretti fis-suq tax-xogħol, it-tkabbir fil-pagi mistenni jkun relattivament b'saħħtu. Madankollu, it-tkabbir nominali fil-pagi hu mbassar li jibqa' taħt l-inflazzjoni għall-konsumatur din is-sena minħabba xi dewmien fit-trażmissjoni mill-prezzijiet għall-pagi. Fis-snin ta' wara, it-tkabbir fil-pagi mistenni li jibqa' b'saħħtu u jaqbeż l-inflazzjoni għall-konsumatur.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija titla' drastikament fl-2022 u tibqa' għolja wkoll fl-2023. Fil-fatt, huwa previst li r-rata togħla għal 6.1% fl-2022, minn 0.7% fl-2021. Iż-żieda qawwija fl-inflazzjoni tirrifletti żieda mifruxa fis-sottokomponenti kollha tal-HICP, ħlief għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Il-pressjonijiet fil-prezzijiet tal-importazzjoni huma mistennija li jimmoderaw xi ftit sal-bidu tas-sena d-dieħla, għalkemm dawn huma previsti li jibqgħu għoljin meta mqabbla ma' livelli storiċi. L-inflazzjoni hija mbassra li timmodera għal 4.5% fl-2023, xprunata minn kontribuzzjonijiet aktar baxxi mis-sottokomponenti kollha, ħlief l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija, li mistennija tibqa' l-istess matul il-periodu tat-tbassir. L-inflazzjoni mistennija tkompli tonqos fl-2024 u fl-2025 għal 2.3% u 2.0%, rispettivament.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos għal 5.6% tal-PDG fl-2022, minn 7.8% fl-2021. Hu mistenni li jkompli jonqos għal 5.1% 2023, 4.0% fl-2024, u għal 3.0% tal-PDG fl-2025. Dan it-tbassir hu xprunat mit-tneħħija tal-miżuri ta' appoġġ relatati mal-COVID-19 fl-2022, li għandhom jagħmlu tajjeb għal infiq f'miżuri ta' mitigazzjoni tal-prezzijiet. Dawn tal-aħħar huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ iżda mistennija li jonqsu matul il-perjodu tat-tbassir f'konformità ma' dak mistenni mill-prezzijiet tal-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jkun ftit inqas minn 60% tal-PDG fl-2025.

Kollox ma’ kollox, ir-riskji għall-attività ekonomika huma xi ftit negattivi fl-2023 u aktar ibbilanċjati minn hemm ’il quddiem. Ir-riskji negattivi ewlenin huma marbutin mal-possibbiltà ta’ dgħufija akbar minn dak previst fis-sitwazzjoni internazzjonali, li tista’ twassal għal tnaqqis fl-esportazzjoni. Barra minn hekk, inflazzjoni ogħla minħabba prodotti importati jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-konsum privat u l-investiment tal-kumpaniji. Id-domanda minn barra tista tkun ukoll aktar dgħajfa milli mistenni speċjalment jekk il-politika monetarja fl-ekonomiji avvanzati tkompli tissikka aktar malajr milli mistenni f’dan it-tbassir. Miżuri ta’ sostenn fiskali mhux antiċipati, u żieda aktar qawwija fil-pagi fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol restrittiv ħafna, u b’hekk żamma kontinwa tal-ħaddiema, jistgħu madankollu joffru sostenn addizzjonali għall-konsum privat.

Ir-riskji għall-inflazzjoni huma għoljin matul il-perjodu kollu tat-tbassir. Fil-fatt, aktar tfixkil għall-provvisti taż-żejt u l-gass mir-Russja jista' jgħolli aktar il-prezzijiet tal-prodotti, u jpoġġi pressjoni akbar fuq il-prezzijiet tal-prodotti importati u l-ispejjeż tat-trasport. Fl-aħħar nett, il-persistenza tal-inflazzjoni tista' tkun ogħla minn dik antiċipata fit-tbassir, u l-effetti tat-trażmissjoni mill-pagi għall-prezzijiet jistgħu jkunu aktar qawwija milli wieħed jassumi.

Min-naħa fiskali, ir-riskji qegħdin fuq in-naħa negattiva (żieda fid-defiċit) matul il-perjodu tat-tbassir. Dawn jirriflettu prinċipalment ir-riskju ta' nfiq ogħla milli mistenni fuq miżuri ta' mitigazzjoni tal-prezzijiet u l-probabbiltà ta' għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru nazzjonali.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll tliet siltiet. L-ewwel silta tevalwa l-bidliet riċenti fil-blokk tal-enerġija fil-mudell tat-tbassir tal-inflazzjoni tal-Bank; it-tieni silta tqabbel l-iżviluppi tal-inflazzjoni f'Malta ma' dawk fiż-żona tal-euro; u t-tielet silta tevalwa aktar fid-dettall l-impatt mill-Baġit 2023 fuq il-bilanċ tal-baġit.

 

2022

2023

2024

2025

Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)

6.8

3.7

3.6

3.5

Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)

6.1

4.5

2.3

2.0

Rata tal-qgħad

3.0

3.0

3.2

3.3

Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)

-5.6

-5.1

-4.0

-3.0

Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)

56.9

58.7

59.9

59.9

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju