News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
28/10/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Raba’ Edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2022
Djalogi li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji matul it-tielet kwart tal-2022 juru dan li ġej:
- B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tan-negozju u l-aspettattivi tal-attività finanzjarja għat-tliet xhur li ġejjin jibqgħu pożittivi.
- Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
- In-negozji qed jippjanaw reklutaġġ addizzjonali iżda komplew juru tħassib rigward in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet fuq il-pagi.
- Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b'saħħithom u mifruxin. Dawn qed jiġu riflessi parzjalment fi prezzijiet ogħla tal-bejgħ.
Fit-tielet kwart tal-2022, il-kundizzjonijiet tan-negozju komplew jitjiebu. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta' qabel l-intervista żdied marġinalment minn 52% fit-tieni kwart għal 54% fit-tielet kwart. Matul dan il-kwart, 62% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività filwaqt li 8% rrappurtaw tnaqqis.
L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma kemxejn iktar ottimisti meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Fil-fatt, 44% tan-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 10% antiċipaw tnaqqis. Għalhekk, proporzjon nett ta' 35% qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali, meta mqabbel ma' 31% fil-kwart preċedenti.
In-negozji komplew jiġu affettwati b'mod negattiv mit-tfixkil fil-provvista u żidiet fl-ispejjeż, li baqgħu għoljin fit-tielet kwart tas-sena. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji ntlaqtu mill-gwerra fl-Ukrajna, l-aktar bi prezzijiet ogħla tal-importazzjoni. Fil-fatt, 88% tal-azjendi kkuntattjati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Dan kien l-ogħla bilanċ nett sa minn meta beda l-istħarriġ.
Għall-mistoqsija ad hoc li tirreferi għall-aspettattivi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni fit-tnax-il xahar li gejjin, 28% tan-negozji qed jistennew li ma jkunx hemm wisq tibdil, 35% qed jipprevedu żidiet sa 5%, filwaqt li madwar 22% tal-kumpaniji wieġbu li qed jistennew żidiet akbar minn 5%. 5% biss tan-negozji qed jipprevedu xi tnaqqis fl-ispejjeż.
Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet ogħla tal‑bejgħ kien ta' 52% fit‑tielet kwart. Dan kien inqas minn 61% fil-kwart ta' qabel. Madwar 24% tan-negozji jippjanaw li jżidu l-prezzijiet b'mod konsiderevoli.
Fit-tielet kwart tal-2022, 83% ta' dawk ikkuntattjati rrappurtaw li komplew bl-investiment kif skedat, filwaqt li 3% qalu li pposponew il-pjanijiet tagħhom. Il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw li l‑ebda investiment ma kien ippjanat tela' għal 14%, meta mqabbel ma' 3% fil-kwart preċedenti.
Fid-dawl ta' kundizzjonijiet pożittivi tan-negozju, 48% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema, żieda minn 42% fit-tieni kwart. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fost in-negozji fis-setturi tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni. In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.
Lura lejn l-Arkivju