News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
19/10/2022
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-FMI u tal-Bank Dinji għall-2022
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, ipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-Grupp tal-Bank Dinji (WBG) għall-2022 li saru f’Washington D.C. bejn l-10 u s-16 ta’ Ottubru 2022. Hu kien akkumpanjat mid-Deputat Gvernatur tal-Bank Alexander Demarco.

Laqgħat Annwali tal‑Fond Monetarju Internazzjonali u tal‑Grupp tal‑Bank Dinji
Iż-żewġ fora jlaqqgħu flimkien bankiera ċentrali, ministri tal-finanzi u l-iżvilupp, uffiċjali mis-settur privat, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u akkademiċi biex jiddiskutu materji ta’ tħassib globali, kif ukoll il-perspettiva ekonomika dinjija, il-qerda tal-faqar, l-iżvilupp ekonomiku, u l-effettività tal-għajnuna.
Il-Gvernatur Scicluna attenda s-sessjonijiet plenarji li jinkludu l-Plenarja tal-Kumitat tal-FMI u d-Djalogu tal-MENA.

Is-Sessjoni Plenarja - The MENA Dialogue: Managing in Uncertain Times
Kellu wkoll taħdidiet ma’ uffiċjali għolja ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin u aġenziji ta’ klassifikazzjoni, inklużi Fitch u Moody’s.
Id-delegazzjoni bankarja kellha laqgħat ta’ livell għoli ma’ membri tad-Dipartiment tal-Affarijiet Fiskali mmexxija minn Juan Toro, viċi direttur, it-tim tal-Article IV Mission immexxi minn Kotaro Ishi, id-Direttur Eżekuttiv tal-FMI li għadu kemm ħa dan ir-rwol u dak li ser jirtira mill-istess kariga, Federico Giammusso u Domenico Fanizza rispettivament, u d-direttur tal-pajjiż tal-Bank Dinji għal Maghreb, Jesko S. Hentschel.
Id-Deputat Gvernatur Demarco kellu għadd ta’ laqgħat ma’ uffiċjali bankarji għolja. Il-Professur Scicluna kien mistieden għas-37 Seminar Bankarju Internazzjonali mtella’ mill-Group of 30.
Il-Laqgħat Annwali ta’ din is-sena saru hekk kif id-dinja qiegħda tissielet mal-aktar tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika fi tmenin sena, inflazzjoni li qed tiżdied, kriżi tal-ikel u tal-enerġija, il-gwerra fl-Ukrajna, l-impatt negattiv kontinwu tal-COVID-19, it-tibdil fil-klima u l-faqar li dejjem qed jiżdied.

Lura lejn l-Arkivju