News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

05/08/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2022

Il-laqgħat li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji matul it-tieni kwart tal-2022 juru dan li ġej:

  • B'mod ġenerali kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju.
  • L-aspettattivi dwar l-attività kummerċjali huma inqas ottimisti minn qabel.
  • Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
  • In-negozji qed jippjanaw reklutaġġ addizzjonali iżda komplew juru tħassib rigward in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet fuq il-pagi.
  • Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b'saħħithom u qed jiriflettu ż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.

Fit-tieni kwart tal-2022 kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju. Dan wara li battew fiż-żewġ kwarti preċedenti. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta' qabel l-intervista żdied minn 31% fl-ewwel kwart tal-2022 għal 52% fit-tieni kwart. Matul dan il-kwart, 64% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività filwaqt li 13% rrappurtaw tnaqqis.

L-aspettattivi dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju huma inqas inċerti iżda wkoll inqas ottimisti meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Fil-fatt, 48% tan-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin filwaqt li 17% antiċipaw tnaqqis. Għalhekk, proporzjon nett ta' 31% stenna titjib fl-attività kummerċjali, minn 39% fil-kwart preċedenti.

In-negozji komplew jiġu affettwati b'mod negattiv mit-tfixkil fil-provvista u żidiet fl-ispejjeż, li baqgħu għoljin fit-tieni kwart tas-sena. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kienu affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna, l-aktar minn prezzijiet ogħla tal-importazzjoni. Fil-fatt, 77% tal-kuntatti rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Minħabba żidiet għoljin fl-ispejjeż, madwar 61% nett tan-negozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Dan kien l-ogħla bilanċ nett sa minn meta beda l-istħarriġ.

Fit-tieni kwart tal-2022, 92% ta' dawk li wieġbu qalu li komplew bil-pjanijiet tagħhom ta' investiment kif skedat, filwaqt li 5% rrappurtaw posponiment. Il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw li l‑ebda investiment ma kien ippjanat niżel għal 3%, meta mqabbel ma' 18% fil-kwart preċedenti.

Fid-dawl ta' kundizzjonijiet pożittivi tan-negozju, 42% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema, żieda minn 35% fil-kwart preċedenti. Dan il-proporzjon hu l-ogħla fost il-kumpaniji tas-servizzi. In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju