News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

10/06/2022

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2022-2024

Il-Bank Ċentrali ta' Malta qed ibassar li l-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta ser jikber b'5.4% fl-2022, b'4.9% fl-2023 u bi 3.8% fl-2024. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, dan huwa reviżjoni 'l isfel ta' 0.6 ta' punt perċentwali fl-2022 u ta' 0.4 ta' punt perċentwali fl-2023. Dan jirrifletti d-deterjorament fix-xenarju ekonomiku internazzjonali minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna u l-miżuri ta' lockdown fl-Asja. Dawn l-ostakli dgħajfu l-kummerċ globali u żiedu t-tfixkil fil-provvista u n-nuqqas ta' materja prima li tintuża fil-produzzjoni. Dan it-tfixkil żied ukoll il-prezzijiet tal-importazzjoni.

L-esportazzjoni netta mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir fl-2022 minħabba tnaqqis fl-importazzjoni marbuta mal-korrezzjoni fl-investiment mil-livelli eċċezzjonali milħuqa fl-2021. Il-kontribut tad-domanda domestika mistenni li jkun pożittiv iżda ferm aktar baxx meta mqabbel ma' dak tas-sena preċedenti. Fis-snin ta' wara, id-domanda domestika mistennija li tixpruna l-espansjoni ekonomika, speċjalment minħabba kontribut sostanzjali mill-konsum privat. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni li jibqa' pożittiv minħabba n-normalizzazzjoni fit-turiżmu u t-tkabbir fid-domanda minn barra.

It-tkabbir fl-impjiegi fl-2022 mistenni li jilħaq it-2.9% minn 1.6% fl-2021. Hu mistenni li jimmodera għal ftit inqas minn 2% sal-2024. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tinżel għal 3.3% din is-sena, minn 3.5% s-sena l-oħra u mistennija li tibqa' f'dan il-livell matul il-perjodu tat-tbassir.

Fid-dawl taż-żieda fl-inflazzjoni mistennija għal din is-sena, it-tkabbir fil-pagi mistenni li jkun relattivament b'saħħtu peress li l-impjegati jistgħu jitolbu xi kumpens parzjali għaż-żieda fil-prezzijiet. Madankollu, it-tkabbir nominali fil-pagi mistenni li jibqa' taħt dak tal-inflazzjoni minħabba xi dewmien fit-trażmissjoni mill-prezzijiet għall-pagi. Fis-snin ta' wara, il-pressjonijiet fuq il-pagi mistennija jimmoderaw hekk kif is-suq tax-xogħol isir inqas strett.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur mistennija taċċellera għal 5.0% fl-2022, minn 0.7% fl-2021. Iż-żieda b'saħħitha fl-inflazzjoni tirrifletti żieda mifruxa fis-sottokomponenti kollha tal-HICP ħlief għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni mistennija li timmodera xi ftit sal-bidu tas-sena d-dieħla, għalkemm dawn huma previsti li jibqgħu għoljin meta mqabbla ma' livelli storiċi. L-inflazzjoni tal-HICP mistennija timmodera għal 2.9% sal-2023, xprunata minn kontribut aktar baxx mis-sottokomponenti kollha ħlief għall-inflazzjoni tal-enerġija. L-inflazzjoni mistennija tkompli tbatti għal 1.8% fl-2024.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos għal 5.6% tal-PDG fl-2022, minn 8.0% fl-2021. Hu mistenni li jkompli jonqos għal 4.0% tal-PDG fl-2023, u għal 3.2% tal-PDG fl-2024. Dan it-tbassir hu xprunat mit-tneħħija tal-miżuri ta' appoġġ relatati mal-COVID-19 fl-2022, li għandhom jagħmlu tajjeb għal infiq f'miżuri ta' mitigazzjoni tal-prezzijiet. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jkun fil-livell ta' 58.7% tal-PDG fl-2024.

B'mod ġenerali, ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu 'l isfel għall-2022 u l-2023, u jxaqilbu 'l fuq għall-2024. Dawn ir-riskji jirriflettu l-possibbiltà li l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ddum aktar minn dak mistenni. Ostakli aktar persistenti fil-provvista, kif ukoll spejjeż ogħla għal produzzjoni u t-trasport, jistgħu jaffettwaw ħażin il-produzzjoni tal-manifattura, il-konsum privat, u l-investiment. Id-domanda minn barra tista' wkoll tkun aktar dgħajfa milli mistennija jekk il-politika monetarja fl-ekonomiji avvanzati tirreaġixxi b'aktar saħħa għall-inflazzjoni minn dak mistenni f'dawn il-previżjonijiet. Dawn ir-riskji negattivi jistgħu jittaffew xi ftit permezz ta' politika fiskali domestika li tista' tkun aktar espansjonarja, riżoluzzjoni aktar bikrija tal-gwerra, kif ukoll il-possibbiltà ta' tnaqqis aktar mgħaġġel fit-tfaddil.

Ir-riskji għall-inflazzjoni jxaqilbu 'l fuq matul il-perjodu kollu tat-tbassir. Fil-fatt, id-dewmien fil-gwerra u kif ukoll il-politika ta' Zero-COVID fiċ-Ċina jistgħu jkomplu jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u jaggravaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni u fl-ispejjeż. Fl-aħħar nett, il-pressjonijiet fuq il-pagi jistgħu jkunu aktar qawwija milli mistenni jekk l-inflazzjoni għolja tippersisti għal perjodu itwal.

Fuq in-naħa fiskali, ir-riskji huma prinċipalment relatati ma' defiċit akbar fl-2022 u l-2023. Dawn jirriflettu l-aktar il-probabbiltà ta' appoġġ addizzjonali mill-Gvern biex itaffi ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u l-għajnuna mill-Istat lill-Air Malta.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll silta li tiddeskrivi l-iżviluppi riċenti fil-prezzijiet tal-ikel u l-previżjoni tagħhom.

 

2022

2023

2024

Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)

5.4

4.9

3.8

Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)

5.0

2.9

1.8

Rata tal-qgħad

3.3

3.4

3.5

Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)

-5.6

-4.0

-3.2

Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)

58.4

58.5

58.7

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju