News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
05/05/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2022
Il-laqgħat li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u kumpaniji mhux finanzjarji matul l-ewwel kwart tal-2022 juru dan li ġej:
- B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tan-negozju battew xi ftit iżda jibqgħu pożittivi.
- L-aspettattivi dwar l-attività kummerċjali għall-aħħar kwart tjiebu.
- Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
- In-negozji qed jippjanaw reklutaġġ addizzjonali iżda huma mħassba rigward in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet fuq il-pagi.
- Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b'saħħithom u parzjalment jirriflettu żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.
Fl-ewwel kwart tal-2022, il-kundizzjonijiet tan-negozju baqgħu pożittivi iżda battew xi ftit mill-aħħar kwart tal-2021. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività naqas minn 36% fl-aħħar kwart tal-2021 għal 31% fl-ewwel kwart tal-2022. Matul dan il-kwart, 48% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività, filwaqt li 18% rrappurtaw tnaqqis.
L-aspettattivi dwar l-attività tan-negozju tjiebu, għalkemm l-inċertezza żdiedet ukoll. Fil-fatt, 40% tan-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 2% antiċipaw tnaqqis. Proporzjon nett ta' 39% stenna titjib fl-attività kummerċjali, li huwa aktar minn 33% fil-kwart preċedenti.
In-negozji jkomplu jiġu affettwati b'mod negattiv mit-tfixkil fil-provvista u żidiet fl-ispejjeż, li baqgħu għoljin fl-ewwel kwart tas-sena. L-indikazzjonijiet inizjali dwar l-impatt tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna juru li ser jiżdied it-tfixkil fil-provvista u fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Fil-fatt, 80% tal-kuntatti rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Parzjalment minħabba dawn iż-żidiet, madwar 38% nett tan-negozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.
Fl-ewwel kwart tal-2022, 74% ta' dawk li wieġbu qalu li l-investiment għandu jibqa' miexi kif skedat, filwaqt li 5% rrappurtaw posponiment. Dan immarka titjib mill-kwarti preċedenti. Il-proporzjon ta' dawk li wieġbu li l-pjanijiet ta' investiment ġew ikkanċellati żdied marġinalment għal 3%. Il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw li ma kien ippjanat l-ebda investiment żdied ukoll, l-aktar minħabba li xi negozji kienu għadhom kemm lestew investiment sinifikanti f'dawn l-aħħar xhur.
Fid-dawl ta' kundizzjonijiet pożittivi tan-negozju, 35% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema, tnaqqis minn 38% fil-kwart ta' qabel. Dan it-tnaqqis żgħir kien fil-biċċa l-kbira mistenni minn kumpaniji tas-servizzi, li patta għal titjib fl-aspettattivi dwar ix-xogħol fl-industrija u fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. In-negozji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u l-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.
Lura lejn l-Arkivju