News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
17/02/2022
Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2021-2024
Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) jistenna li l-PDG ta' Malta jikber b'6.0% fl-2022, b'5.3% fl-2023, u bi 3.8% fl-2024. Meta mqabbel mat-tbassir ta' qabel tal-Bank, il-livell tal-PDG qiegħed jiġi rivedut 'il fuq minħabba li t-tkabbir fl-2021 huwa stmat li jkun 1.2 punti perċentwali ogħla. Il-livelli ta' attività ekonomika ta' qabel il-pandemija għalhekk ser ikunu ntlaħqu aktar kmieni milli mbassar fl-eżerċizzju preċedenti ta' tbassir tal-Bank. Minħabba f'hekk, ir-rata tat-tkabbir tal-PDG għall-2022 qiegħda tiġi riveduta 'l isfel b'0.5 ta' punt perċentwali. Ir-reviżjonijiet għas-sentejn ta' wara mhumiex sostanzjali.
Fl-2022, id-domanda domestika hi mistennija li tkun l-istimolu ewlieni ta' tkabbir minħabba tkabbir b'saħħtu fil-konsum tal-gvern u dak privat. Minbarra dan, l-esportazzjoni netta mistennija li tikkontribwixxi b'mod b'saħħtu din is-sena, hekk kif l-esportazzjoni taċċellera, filwaqt li l-importazzjoni mistennija tikber b'ritmu inqas mgħaġġel. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fl-importazzjoni jirrifletti t-tnaqqis mistenni fl-investiment fl-2022, wara nfiq eċċezzjonali f'ċerti setturi fl-2021. Fis-snin ta' wara, id-domanda domestika hija prevista li tkompli tixpruna l-espansjoni ekonomika, speċjalment minħabba kontribut qawwi mill-konsum privat. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni li jibqa' pożittiv minħabba n-normalizzazzjoni gradwali tal-attività fit-turiżmu u t-tkabbir kontinwu fid-domanda minn barra.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jaċċellera għal 2.6% fl-2022 fid-dawl tat-tkabbir kontinwu fl-attività ekonomika. Imbagħad mistenni li jbatti fis-sentejn ta' wara. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tkun fil-livell ta' 3.5% sal-2022 qabel ma tirritorna lura għal 3.6% fl-2023 u fl-2024. Fl-istess waqt, l-iskarsezza fis-suq tax-xogħol mistennija li timmodera b'mod gradwali hekk kif l-immigrazzjoni tirpilja matul il-perjodu tat-tbassir. Dan mistenni jtaffi pressjonijiet fuq il-pagi.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur mistennija li titla' għal 2.7% fl-2022, żieda minn 0.7% fl-2021, primarjament minħabba żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni fuq is-sottokomponenti kollha tal-inflazzjoni minbarra l-enerġija. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni hi mbagħad prevista li tbatti xi ftit u għalhekk, l-inflazzjoni mistennija tinżel għal 1.8% sal-2024.
Id-defiċit tal-gvern ġenerali mistenni li jonqos sostanzjalment matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir hekk kif jiskadu l-miżuri tal-COVID-19 u jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Sal-2024, huwa mistenni li jinżel għal 3.3% tal-PDG. Min-naħa tiegħu, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jkun fil-livell ta' 60.9% tal-PDG fl-2024.
B'mod ġenerali, ir-riskji għall-attività ekonomika fuq iż-żmien medju huma bbilanċjati, b'xi riskji negattivi fl-immedjat, meta l-pandemija tista' tkompli ddgħajjef it-turiżmu aktar milli kien antiċipat. Barra minn hekk, dewmien fl-ostakli fil-provvista jista' jaffettwa b'mod negattiv l-attività tal-manifattura u d-domanda domestika, b'inflazzjoni ogħla minn dik prevista. Min-naħa l-oħra, tnaqqis aktar mgħaġġel fil-proporzjon tat-tfaddil jista' jwassal għal tkabbir aktar mgħaġġel milli mistenni fl-attività ekonomika fuq iż-żmien medju.
Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-riskji jxaqilbu lejn prezzijiet ogħla minn dak previst matul il-perjodu kollu tat-tbassir. B'mod partikolari, jekk l-ostakli fil-provvista u l-iżbilanċi bejn id-domanda u l-provvista jippersistu, aktar negozji jistgħu jiġu kostretti biex jgħollu l-prezzijiet, u dan jista' jikkawża talbiet għal pagi ogħla.
Ir-riskji għall-finanzi pubbliċi huma l-iktar ikkonċentrati fl-2022 u jistgħu jwasslu għal defiċit akbar. B'mod partikolari, dawn ir-riskji huma relatati mal-probabbiltà ta' sostenn addizzjonali għall-miżuri relatati mal-COVID-19 u l-impatt tar-ristrutturar tal-Air Malta fuq il-probabbiltà ta' għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet. L-ewwel silta tagħti ħarsa ġenerali lejn l-investiment iffinanzjat mill-UE sorveljat mill-Bank u tiddeskrivi l-aħħar tbassir għall-infiq ta' investiment iffinanzjat mill-UE. It-tieni silta tagħti stima tal-effetti tal-pjan ta' rkupru u reżiljenza fuq l-ekonomija Maltija, bl-użu ta' wieħed mill-mudelli makroekonometriċi tal-Bank.
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
| Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena) |
7.2 |
6.0 |
5.3 |
3.8 |
| Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena) |
0.7 |
2.7 |
1.9 |
1.8 |
| Rata tal-Qgħad |
3.6 |
3.5 |
3.6 |
3.6 |
| Defiċit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
9.4 |
6.2 |
4.3 |
3.3 |
| Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG) |
58.7 |
60.6 |
60.8 |
60.9
|
Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju