News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

13/07/2021

Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2020 juri li s-sistema finanzjarja baqgħet reżiljenti

Il-Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika t-13-il edizzjoni tiegħu tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja (ir-Rapport) fejn jevalwa l-iżviluppi tas-settur finanzjarju matul l-2020 - is-sena meta l-pandemija tal-COVID-19 effettivament bdiet fl-Ewropa. It-testijiet tal-istress, flimkien ma' analiżi tas-sensittività, li jissupplimentaw din l-evalwazzjoni jikkonfermaw ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja.

Ir-Rapport juri li s-sistema finanzjarja Maltija baqgħet reżiljenti għall-impatt ekonomiku bla preċedent li ġabet magħha l-pandemija. L-evalwazzjoni turi li l-qagħda tal-kapital u tal-likwidità tal-banek Maltin baqgħet b'saħħitha u, flimkien ma' tmexxija prudenti fin-negozju tagħhom, għenu biex dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu ta' appoġġ lill-individwi u n-negozji biex itaffu l-effetti tal-pandemija. Megħjunin mill-miżuri f'waqthom u mmirati mill-Gvern, l-awtoritajiet regolatorji u l-pożizzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema, il-banek kellhom rwol importanti fis-sostenn lill-ekonomija matul dawn iż-żminijiet ibsin.

L-inċertezza kkawżata mill-pandemija affettwat il-profitabbiltà tal-banek hekk kif il-banek aġixxew b'mod prudenti billi għamlu provvedimenti straordinarji. B'riżultat ta' dan, żdied il-coverage ratio għas-self fejn il-ħlas qiegħed b'lura (NPLs), u b'hekk seta' jittaffa r-riskju ta' kreditu. Sadanittant, gie rreġistrat xi deterjorament fil-kwalità tal-assi, ġeneralment fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ta' dawk il-persuni mhux residenti f'Malta. Minbarra dan, il-banek esperjenzaw tnaqqis fid-dħul operattiv tagħhom, kemm minħabba imgħax aktar baxx u kif ukoll minħabba nuqqas ta' dħul ieħor. Il-banek komplew isellfu lir-residenti, u t-tnaqqis fis-self għal xiri ta' proprjetà residenzjali kien ġeneralment ikkumpensat minn self ogħla lin-negozji, li kien parzjalment jirrifletti self mogħti mill-Bank tal-Iżvilupp ta' Malta taħt il-COVID-19 Guarantee Scheme.

Matul is-sena, id-depożiti ta' residenti żdiedu b'mod sinifikanti - partikolarment matul l-ewwel xhur tal-pandemija - u dan jirrifletti tnaqqis fil-konsum u tfaddil ogħla mill-aġenti ekonomiċi. Dan kollu wassal għal buffers ta' likwidità ogħla tal-banek, li fil-parti l-kbira tagħhom ġew iddepożitati mal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-pandemija ħalliet impatt ukoll fuq l-istituzzjonijiet mhux bankarji, bil-profittabbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li l-operat tagħhom hu rilevanti għal Malta, tonqos minħabba dħul inqas mill-investimenti u premia aktar baxxi. Minkejja l-isfidi rrappurtati matul is-sena, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni baqgħu likwidi ħafna u l-proporzjonijiet kapital tagħhom baqa' ferm ogħla mir-rati minimi regolatorji.

Il-bejgħ globali fuq skala wiesgħa ta' assi aktar riskjużi u l-volatilità tas-suq li seħħet, b'mod partikolari fl-istadji bikrija tal-pandemija, taw spinta lil xi fondi ta' investiment rilevanti lokali biex jaqilbu lejn assi inqas riskjużi, speċjalment f'bonds ta' gvernijiet diversi. Matul dan il-perjodu, il-fondi ta' investiment rilevanti lokali ma rrappurtawx fidi ta' assi sinifikanti u l-profil tal-likwidità tagħhom baqa' b'saħħtu, filwaqt li leverage kien kontenut.

Ir-Rapport jikkonkludi li l-miżuri ta' appoġġ mill-awtoritajiet kienu kruċjali biex jittaffew l-effetti negattivi tal-pandemija, iżda l-impatt bla preċedent tal-pandemija affettwa aktar il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji minħabba ż-żieda fil-provvedimenti u t-telf ta' sorsi oħra ta' dħul. It-testijiet tal-istress u l-analiżi tas-sensittività juru li s-sistema bankarja tibqa' reżiljenti għal firxa wiesgħa ta' riżultati ekonomiċi. Madankollu, il-banek huma mħeġġa jkomplu jippreservaw il-kapital u jkomplu jibnu l-provvedimenti tagħhom biex inaqqsu kwalunkwe żieda potenzjali fir-riskju tal-kreditu minħabba l-inċertezza relatata mal-pandemija li għadha tippersisti. Il-banek huma mħeġġa jibqgħu viġilanti fuq il-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-portafolli tas-self tagħhom u l-ħtiġijiet ta' proviżjonamenti relatati magħhom.

Din l-edizzjoni tar-Rapport tinkludi wkoll numru ta' artikli, bħall-kategorizzazzjoni tal-banek; ir-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self tal-banek; aġġornament dwar il-metodoloġija tal-mudell tal-limitu tar-riskju ta' kreditu; u l-metodoloġija għall-għażla ta' fondi ta' investiment orjentati lokalment. Barra minn hekk, ir-Rapport jinkludi wkoll analizi dwar is-settur finanzjarju mhux bankarju f'Malta u kif ukoll evalwazzjoni fil-fond dwar l-użu tal-moratorji.

L-evalwazzjoni tar-riskju ġenerali li saret f'din l-edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja tqis l-avvenimenti li seħħew sa Marzu 2021. Id-data tal-għeluq għar-redditi regolatorji u prudenzjali hija wkoll ta' Marzu 2021. L-analiżi tal-moratorji tirreferi għad-data mir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu sa April 2021, filwaqt li t-tbassir li jikkonferma x-xenarju makroekonomiku taħt il-Macro Stress Test huwa tal-11 ta' Ġunju 2021.

Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel hawn.

Lura lejn l-Arkivju