News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

25/06/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Memorandum ta’ Ftehim aġġornat mal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Ġie ffirmat memorandum ta' ftehim (MoU) aġġornat bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta, l-Awtorità tal-Istatistika ta' Malta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan l-MoU jissostitwixxi verżjoni preċedenti datata Awwissu 2016 u jaġġorna l-ftehimiet preċedenti dwar l-iskambju ta' informazzjoni tal-istatistika.

Il-firmatarji tal-ftehim huma l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, il-President tal-Awtorità tal-Istatistika ta' Malta, il-Professur Albert Leone Ganado, u d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, is-Sur Etienne Caruana.

L-MoU jibni fuq kooperazzjoni professjonali li ilha teżisti bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan jinkludi l-istabbiliment ta' provvedimenti xierqa dwar firxa wiesgħa ta' oqsma statistiċi li fihom l-entitajiet jinteraġixxu biex iwettqu l-mandati nazzjonali u internazzjonali tagħhom. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu l-iskambju u t-trasferiment ta' data ta' statistika, reġistri statistiċi, l-iskambju tal-għarfien u r-riżorsi fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali riveduta, u t-twettiq ta' rekwiżiti statistiċi msaħħin fil-livell internazzjonali. Permezz tal-MoU l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom ukoll li jżommu l-ogħla standards statistiċi filwaqt li jsaħħu wkoll il-kooperazzjoni fis-sistemi ta' informazzjoni tal-istatistika u l-infrastruttura tal-IT.

Matul l-avveniment, is-Sur Caruana esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din il-kollaborazzjoni ser tkompli ssaħħaħ il-qafas statistiku nazzjonali b'mod partikolari l-oqsma tal-finanzi, l-ekonomija, in-negozju u dawk soċjali.

Il-Professur Leone Ganado stqarr li ftehimiet bħal dawn huma ta' importanza għaliex jaffermaw sħubija strateġika u kooperattiva li tirriżulta f'sistemi ta' informazzjoni effiċjenti u effettivi, filwaqt li jsaħħu l-kwalità tal-istatistika uffiċjali u l-valur tas-sistema nazzjonali tal-istatistika.

Fl-aħħar nett, il-Professur Scicluna kkonkluda li dan l-MoU ser isaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-Partijiet fl-iskambju kemm jista' jkun possibbli tal-istatistika meħtieġa sabiex jinkisbu standards ta' statistika ogħla f'kull istituzzjoni rispettiva.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Memorandum ta’ Ftehim aġġornat mal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Memorandum ta’ Ftehim aġġornat mal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Memorandum ta’ Ftehim aġġornat mal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Lura lejn l-Arkivju