News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

11/06/2021

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2021-2023

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) jistenna li l-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta ser jikber b'4.9% fl-2021, b'5.4% fl-2022, u b'4.7% fl-2023. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut marġinalment 'l isfel b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2021 u l-2022.

Dawn ir-reviżjonijiet marġinali 'l isfel huma attribwiti għall-ewwel nofs tal-2021 li hu mistenni li jkun aktar dgħajjef - minħabba li ddaħħlu aktar miżuri ta' trażżin milli kienu antiċipati - li nistennew li jiġu pjuttost ibbilanċjati b'tieni nofs aktar b'saħħtu minħabba ritmu mgħaġġel ħafna ta' tilqim, kif ukoll żieda fir-rispons fiskali. Il-Bank għalhekk għadu jistenna li l-livelli tal-PDG tal-2019 jerġgħu jintlaħqu fl-2022.

B'mod ġenerali, id-domanda domestika hija mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir, għalkemm l-irkupru fil-komponenti kollha tad-domanda ser jiġi parzjalment assorbit minn żieda fl-importazzjonijiet. L-esportazzjoni netta hija mistennija li tħalli impatt negattiv iżgħar fuq it-tkabbir fil-PDG fl-2021, hekk kif id-domanda barranija tibda tirkupra, b'kontribut pożittiv minn hemm 'il quddiem. Madankollu, il-prospetti għas-settur tat-turiżmu għadhom kawti.

Minkejja t-tnaqqis drastiku fl-attività ekonomika fl-2020, is-suq tax-xogħol wera reżiljenza eċċezzjonali. In-negozji ġeneralment irnexxielhom iżommu l-impjegati u minflok għażlu li jnaqqsu n-numru ta' sigħat maħduma. Għalhekk, in-negozji huma mistennija li jirrispondu għal titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju billi jirritornaw għas-sigħat normali tax-xogħol. It-tkabbir fl-impjiegi għalhekk mistenni jbatti għal 0.9% din is-sena, u jirpilja gradwalment fis-snin ta' wara u jilħaq it-2.9% fl-2023.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hi mistennija li tinżel bi ftit għal 0.3% fl-2021, minn 0.8% fl-2020, primarjament minħabba fatturi tekniċi. L-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP hi mistennija li titla' bi ftit għal 1.6% sal-2023 minħabba rkupru fl-attività ekonomika, li mistennija tgħolli aktar il-prezzijiet tas-servizzi u tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija.

Il-politika fiskali hija mbassra li tibqa' espansiva ħafna fl-2021, parzjalment xprunata mill-estensjoni tal-għajnuna relatata mal-COVID-19. Fl-2021, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jonqos bi ftit għal 9.9% tal-PDG. Id-defiċit huwa mistenni li jonqos sostanzjalment matul il-perjodu tat-tbassir hekk kif jiġu rilassati il-miżuri tal-COVID-19 u jkomplu jitjiebu aktar il-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Sal-2023, huwa mistenni li jonqos għal 4.2% tal-PDG. Minħabba f'hekk, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG hu mistenni li jitla' għal 64.0% sal-2023.

Ir-riskji għall-attività ekonomika huma ġeneralment ibbilanċjati fl-2021 u jxaqilbu ftit 'il fuq fl-2022 u l-2023. Il-konsum privat jista' jkun b'saħħtu aktar minn dak imbassar minħabba żieda qawwija fid-domanda u t-tfaddil kbir akkumulat. L-esportazzjoni tista' tkun ogħla minn dak li hu mistenni f'każ ta' rkupru aktar qawwi fid-domanda turistika jekk Malta jirnexxilha żżid sehma fis-suq turistiku minħabba r-rata għolja ta' tilqim. Fuq in-naħa negattiva, is-sitwazzjoni tal-pandemija tista' tiddeterjora jekk il-vaċċini jkunu inqas effettivi kontra varjanti ġodda, u dan jolqot ukoll id-domanda minn barra. Fir-rigward tal-prezzijiet, ir-riskji huma meqjusa li jxaqilbu 'l fuq u jirriflettu l-possibbiltà ta' trażmissjoni aktar mgħaġġla taż-żieda riċenti fl-ispejjeż tat-trasport għall-prezzijiet tal-konsumatur. Il-finanzi pubbliċi jistgħu juru defiċit akbar minn dak imbassar, primarjament minħabba l-ħtieġa li tingħata għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru nazzjonali.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet. L-ewwel silta tanalizza l-implikazzjonijiet tal-impatt tal-piżijiet li jintużaw fl-HICP fis-sena 2021 fuq it-tbassir għall-inflazzjoni, u t-tieni taġġorna l-impatt tal-miżuri fiskali u ta' likwidità relatati mal-COVID-19 fuq il-PDG. Il-Bank jistma li dawn il-miżuri tal-aħħar ser jagħtu spinta ta' 2.1 punti perċentwali lill-PDG, li effettivament jammontaw għal kważi nofs l-espansjoni ekonomika prevista fl-2021.

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju