News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
28/05/2021
Qligħ minn munita tat-tfal mogħti lill-MCCFF
Il‑Gvernatur Edward Scicluna, f'isem il‑Bank Ċentrali ta' Malta, ippreżenta lill‑Eċċellenza tiegħu l-President George Vella - f'isem il‑Malta Community Chest Fund Foundation - is‑somma ta' €67,000 waqt żjara ta' korteżija f'San Anton.
L-ammont jirrappreżenta l-profitt mill-bejgħ ta' coin card tal-munita kommemorattiva taż-€2 li sar is-sena l-oħra, iddisinjata minn Ymen Riahi min-Nicholas Middle School fir-Rabat.
Dan jikkonkludi s-serje "Mit-tfal b'Solidarjetà" imnedija fl-2015 mill-Bank. Ġew iddisinjati ħames muniti mill-istudenti permezz ta' kompetizzjoni miftuħa għall-istudenti sekondarji kollha, bid-disinji rebbieħa magħżula minn bord ta' esperti.
Il‑Gvernatur Scicluna qal li l‑Bank kien kburi li kkollabora fi proġett li kien jirrifletti l‑impenn tiegħu lejn is‑soċjetà, b'mod partikolari permezz tal‑Fondazzjoni li għenet tant nies vulnerabbli fis‑soċjetà: "Istituzzjonijiet bħall‑Bank imexxu bl-eżempju fir‑rigward tar‑responsabbiltà soċjali korporattiva. Wieħed mill-aktar aspetti diffiċli fit-tmexxija ta' fondazzjoni huwa l-ħtieġa li l-fondi jinġabru fuq bażi annwali u aħna ninkoraġġixxu kumpaniji oħra biex iwiegħdu ammonti għal aktar minn sena biex ikunu jistgħu jippjanaw minn qabel."
Il-President ta' Malta laqa' d-donazzjoni u qal: "Permezz tal-bejgħ ta' dawn il-muniti, inġabru l-fondi meħtieġa biex il-Malta Community Chest Fund Foundation tkompli l-ħidma tagħha. Kien ta' sodisfazzjon ninnota li l-Bank Ċentrali ta' Malta, anke waqt pandemija, kompla jaħdem ħafna biex jikkontribwixxi għall-ġid tas-soċjetà, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn."



Ritratti: Matthew Cutajar
Lura lejn l-Arkivju