News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
30/04/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jniedi Pjan Strateġiku Korporattiv
Il-Bank Ċentrali ta' Malta nieda l-Pjan Strateġiku Korporattiv tiegħu waqt avveniment virtwali għall-impjegati kollha. Il-Pjan tnieda mill-Gvernatur Edward Scicluna, id-Deputati Gvernaturi Alexander Demarco u Oliver Bonello, u ċ-Chief Operating Officer Daniele Romano.
Il-Pjan jelenka l-proġetti u l-għanijiet ewlenin, li ser jassistu lill-Bank fl-istrateġija tiegħu ta' trasformazzjoni diġitali, sabiex il-Bank isaħħaħ aktar l-effiċjenza u l-effettività, u biex jgħin lill-Bank itaffi r-riskji fid-dinja finanzjarja kumplessa ħafna tal-lum.
Il-Pjan ġie ffinalizzat permezz ta' proċess dettaljat li qassam l-għanijiet strateġiċi tal-Bank f'għanijiet diviżjonali, dipartimentali u tal-uffiċċji, f'konformità mal-istruttura organizzattiva tal-Bank. Il-Pjan jiġbor l-għanijiet u l-proġetti tal-Bank għas-snin li ġejjin fi tmien elementi fundamentali:
- Jiżgura kontribut attiv għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, jappoġġja l-ħidma u l-inizjattivi tagħha, filwaqt li jipparteċipa fil-fora u l-avvenimenti tagħha.
- Irawwem stabbiltà finanzjarja permezz tat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur finanzjarju domestiku.
- Jiżgura t-tħaddim ta' sistemi ta' pagament bla xkiel u provvista sigura ta' flus kontanti.
- Ikompli jkun ta' referenza għall-analiżi ekonomika u finanzjarja, ir-riċerka u l-istatistika f'Malta.
- Itejjeb il-qligħ fuq l-assi finanzjarji taħt il-maniġġ tagħna.
- Isaħħaħ il-mitigazzjoni tar-riskji u l-miżuri ta' sigurtà, speċjalment fir-rigward taċ-ċibersigurtà.
- Iżomm governanza interna b'saħħitha, f'konformità sħiħa mal-liġi.
- Isaħħaħ b'mod ġenerali l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jippromwovi b'mod attiv il-kuxjenza ambjentali, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-inklussività u d-diversità.
Il-Pjan jinkludi stqarrija ta' viżjoni għall-Bank, li jkun istituzzjoni indipendenti, kredibbli, u innovattiva, u impjegatur tal-għażla.
L-impjegati tal-Bank kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-Pjan Strateġiku Korporattiv mal-Gvernatur, mad-Deputati Gvernaturi u mal-maniġment.



Lura lejn l-Arkivju