News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

25/03/2021

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Forzi Armati ta’ Malta

Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Malta Coin Centre tal-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġ żewġ muniti numiżmatiċi tal-fidda u tal-kuprunikil, li jfakkru l-50 anniversarju tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19, il-muniti mhux ser jinbiegħu mill-Bank iżda ser ikunu disponibbli biss mill-e-shop tal-Malta Coin Centre.

Mr Alexander Demarco, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, kien nieda b’mod uffiċjali l-muniti waqt avveniment imtella’ mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barracks ta’ Ħal Luqa, fit-18 ta’ Diċembru 2020.

Id-disinn tal-munita kien ir-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank u l-Forzi Armati ta’ Malta. Il-muniti nħadmu mir-Royal Dutch Mint.

Fuq in-naħa ta’ wara, il-muniti juru l-arma reġimentali tal-Forzi Armati ta’ Malta bi sfond aħmar fuq il-blu. Fuq in-naħa ta’ quddiem tidher l-istemma araldika tar-Repubblika ta’ Malta flimkien mas-sena tal-ħruġ.

Il-muniti jistgħu jiġu ordnati minn qabel mis-sit elettroniku tal-Malta Coin Centre.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Verżjoni diġitali tal-programm ta’ muniti għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Malta Coin Centre u kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Forzi Armati ta’ Malta

Lura lejn l-Arkivju