News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

18/12/2020

Munita li tfakkar l-anniversarju tal-Forzi Armati ta’ Malta

L-Att dwar il-Forzi Armati ta' Malta daħal fis‑seħħ fit‑22 ta' Settembru 1970 "sabiex  jitwaqqfu  u  jinżammu  forzi  armati  f'Malta  u  biex  jipprovdi  dwar ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma' hekk u anċillari għal hekk". B'dan l‑istrument, Malta setgħet twaqqaf l‑armata permanenti tagħha.

Fl‑1 ta' Ottubru 1970, 500 uffiċjal Malti u membri tar‑Royal Malta Artillery, reġiment antik u distint, ma baqgħux jiffurmaw parti mill‑British Army u saru parti mill‑Malta Land Force, li ftit taż‑żmien wara saret magħrufa bħala l‑Forzi Armati ta' Malta.

Dan l‑avveniment importanti fl‑iżvilupp ta' Malta postkolonjali qiegħed jiġi mfakkar mill‑Bank Ċentrali ta' Malta bil‑ħruġ ta' munita tal‑fidda u oħra tal‑kuprunikil.

Il‑munita tal‑fidda, li għandha valur nominali ta' €10, għandha dijametru ta' 38.61mm u maħduma f'0.925 fidda. Il‑muniti tal‑kuprunikil huma ta' qies simili iżda għandhom valur nominali ta' €5. Id‑disinn tal‑munita sar f'kollaborazzjoni bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Forzi Armati ta' Malta. Il‑muniti nħadmu mir‑Royal Dutch Mint.

Fuq in‑naħa ta' wara, il‑muniti juru l‑arma reġimentali tal‑Forzi Armati ta' Malta bi sfond aħmar fuq il‑blu. Fuq in‑naħa ta' quddiem tidher l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ.

L‑istampar tal‑muniti tal‑fidda hu limitat għal 2,000 munita, filwaqt li l‑istampar tal‑muniti tal‑kuprunikil ser ikun limtat għal 10,000 munita.

Mr Alexander Demarco, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, nieda b'mod uffiċjali l‑muniti waqt avveniment imtella' mill‑Forzi Armati ta' Malta fil‑Barracks ta' Ħal Luqa, fit‑18 ta' Diċembru 2020. Il‑muniti ser ikunu disponibbli għall‑bejgħ lill‑pubbliku minn Jannar 2021 u d‑dettalji relevanti ser jiġu kkomunikati fiż‑żmien xieraq.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

coin

coin-2

Mix-Xellug għal-Lemin:
Joseph Esposito – CBM; Colonel Mark Mallia – Deputy Commander, AFM; Brigadier Jeffrey Curmi – Commander, AFM; Minister for Home Affairs, National Security and Law Enforcement Byron Camilleri; Sandro Demarco – Deputy Governor, CBM; Jesmond Gatt – Chief Officer, CBM; and Melvin Bugeja – CBM.

 

Lura lejn l-Arkivju