News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

17/02/2021 11:15:00

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2020-2023

B’effett tal-pandemija, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank) jistenna li wara tnaqqis li hu stmat li jkun ta’ 8.2% fl-2020, il-prodott domestiku gross (PDG) ta’ Malta ser jikber b’5.0% fl-2021, b’5.5% fl-2022, u b’4.7% fl-2023. Meta mqabbel mat-tbassir ippubblikat f’Diċembru 2020, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut ’l isfel għall-2020 u l-2021 minħabba l-impatt ta’ miżuri stretti ta’ trażżin li baqgħu fis-seħħ fl-2021. Madankollu, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut ’il fuq għall-2022 u l-2023, bil-PDG fl-2023 mistenni li jkun f’livell simili għal dak previst f’Diċembru 2020. Il-Bank għalhekk iżomm l-aspettattiva tiegħu li l-livelli tal-PDG tal-2019 għandhom jiġu rkuprati lejn tmiem l-2022, bil-kundizzjoni li l-użu ta’ vaċċin ikun ta’ suċċess fl-2021.

It-tnaqqis fl-esportazzjoni netta kien il-kontributur ewlieni għat-tnaqqis fil-PDG fl-2020, minħabba tnaqqis drastiku fid-domanda barranija, restrizzjonijiet fuq attivitajiet relatati ma’ safar, u tfixkil fil-provvista globali. Madankollu, id-domanda domestika hi wkoll stmata li kkontribwiet b’mod negattiv, hekk kif id-diversi miżuri ta’ trażżin naqqsu n-numru tal-attivitajiet matul is-sena, speċjalment matul it-tieni trimestru, u minħabba l-livelli għoljin ta’ inċertezza li affettwaw b’mod negattiv il-konsum u l-investiment privat. It-tnaqqis f’dawn iż-żewġ komponenti tal-infiq ittaffa parzjalment permezz ta’ żieda fil-konsum tal-gvern. Id-domanda domestika hi mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tal-irkupru previst mis-sena 2021 ’il quddiem.

Minkejja t-tnaqqis drastiku fl-2020, is-suq tax-xogħol wera reżiljenza eċċezzjonali. Il-qgħad żdied inizjalment matul l-ewwel mewġa tal-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien naqas, hekk kif il-miżuri fiskali kienu ta’ sostenn qawwi għall-impjiegi. It-tkabbir fl-impjiegi hu stmat li baqa’ pożittiv fl-2020, għalkemm immodera meta mqabbel mal-2019. Imbagħad hu mbassar li jirpilja gradwalment fis-snin ta’ wara u jilħaq il-livell ta’ 2.7% fl-2023. Dan it-tbassir jikkostitwixxi reviżjoni ’l fuq mill-eżerċizzju preċedenti, li tirrifletti riżultati aktar b’saħħithom milli mistennija fl-2020.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hi mistennija li titla’ għal 0.9% fl-2021, żieda minn 0.8% fl-2020, minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil-prezzijiet tas-servizzi. Barra minn hekk, l-inflazzjoni ta’ prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija (NEIG) hija mistennija li ssir pożittiva. L-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP hi mistennija li titla’ sa 1.7% sal-2023 minħabba rkupru fl-attività ekonomika, li mistennija tgħolli aktar il-prezzijiet tas-servizzi u tal-NEIG. It-tbassir għall-inflazzjoni hu soġġett għal livell ogħla ta’ inċertezza minħabba tibdil sinifikanti fis-sehem ta’ ċerti komponenti tal-HICP li ma kinux għadhom disponibbli sad-data tal-għeluq. Għall-2021, dawn ir-riskji huma ’l isfel.

Il-finanzi pubbliċi ddeterjoraw drastikament fl-2020 minħabba t-tnaqqis fl-attività ekonomika u l-introduzzjoni tas-sostenn fiskali relatat mal-COVID-19. Il-Bank issa qed ibassar li l-gvern ġenerali ser jirreġistra defiċit ta' 9.5% tal-PDG fl-2020. Id-defiċit hu mistenni li jippersisti matul l-2021, għalkemm hu antiċipat li jinżel għal 6.6%. Hekk kif l-attività ekonomika titjieb u gradwalment jonqos il-bżonn ta’ sostenn relatat mal-COVID-19, id-defiċit hu mistenni li jkompli nieżel għal 3.9% tal-PDG sal-2023. Konsegwentement, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG hu mistenni li jitla’ minn 42.4% fl-2019 għal 60.3% sal-2023.

Minħabba l-inċertezza prevalenti, il-Bank ippubblika wkoll xenarju aktar sever li fih iqis li l-effetti ta’ diversi protokolli restrittivi ta’ saħħa jinżammu wara l-2021, f'każ li r-ritmu tat-tilqim ikun aktar kajman milli previst bħalissa u jkun aktar diffiċli li jiġu kkontrollati infezzjonijiet ġodda. F’xenarju bħal dan, il-livell tal-PDG għall-2019 jintlaħaq biss fl-2023. Barra minn hekk, id-defiċit tal-gvern imbassar li jiddeterjora aktar b’mod drastiku fl-2021 u jilħaq l-10.0% tal-PDG, qabel ma jinżel għal 5.6% fl-2022 u fl-2023, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG imbassar li jitla’ għal 68.2% sa dak iż-żmien.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet. L-ewwel silta tanalizza l-impatt ta’ inqas turiżmu fuq l-infiq tal-konsum privat, filwaqt li t-tieni silta tanalizza aktar fid-dettall l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol sa mill-bidu tal-COVID-19 f’Malta.

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju