News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

17/12/2021

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2021-2024

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) jistenna li l-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta ser jikber b'6.0% fl-2021, b'6.5% fl-2022, b'5.3% fl-2023 u bi 3.8% fl-2024. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut 'il fuq b'0.9 ta' punt perċentwali fl-2021, b'0.7 ta' punt perċentwali fl-2022, u b'0.5 ta' punt perċentwali fl-2023.

Ir-reviżjoni 'l fuq fl-2021 u l-2022 hija xprunata primarjament minn tkabbir aktar b'saħħtu fl-investiment u l-konsum tal-Gvern, u minn irkupru aktar b'saħħtu fil-konsum privat. Barra minn hekk, it-turiżmu hu mistenni li jkun aktar pożittiv fl-2021 milli kien antiċipat qabel, għalkemm ir-reviżjoni 'l fuq hija megħluba minn reviżjoni qawwija 'l isfel fl-esportazzjoni tal-merkanzija. Fl-2023, ir-reviżjoni 'l fuq hija xprunata primarjament minn konsum privat ogħla hekk kif huwa previst li jkun hemm tkabbir aktar qawwi fid-dħul mix-xogħol fl-2021 u l-2022.

Din is-sena t-tkabbir ekonomiku mistenni li jkun xprunat mid-domanda domestika, għalkemm l-irkupru fil-komponenti kollha tad-domanda ser jiġi parzjalment assorbit minn żieda fl-importazzjonijiet. L-esportazzjoni netta hija mistennija li tħalli impatt negattiv ferm iżgħar fuq it-tkabbir fil-PDG meta mqabbel mal-2020, hekk kif id-domanda minn barra qed tirkupra. Fis-snin ta' wara, id-domanda domestika hija prevista li tkompli tixpruna t-tkabbir fl-attività ekonomika, speċjalment minħabba tkabbir fil-konsum privat. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-esportazzjoni netta huwa mistenni li jsir pożittiv, u dan jirrifletti n-normalizzazzjoni fit-turiżmu u t-tkabbir kontinwu fid-domanda minn barra.

Is-suq tax-xogħol mistenni li jibqa' b'saħħtu fl-2021, iżda n-nuqqas ta' ħaddiema hu mistenni li jsir aktar rilevanti din is-sena, parzjalment minħabba l-impatt tar-restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar fuq il-migrazzjoni. Għalhekk, it-tkabbir fl-impjiegi mistenni jonqos xi ftit għal 2.2% fl-2021. Hu mbagħad mistenni li jikber aktar malajr fl-2022 fid-dawl tal-aċċellerazzjoni prevista fl-attività ekonomika, u jonqos fis-sentejn ta' wara. Ir-rata tal-qgħad mistennija tilħaq it-3.4% sal-2022, u dan ifisser livell storiku baxx għal Malta. Fid-dawl ta' suq tax-xogħol pjuttost ristrett, it-tkabbir fil-pagi huwa previst li jibqa' jiżdied matul il-perjodu tat-tbassir.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur mistennija li tinżel għal 0.7% fl-2021, minn 0.8% fl-2020, primarjament minħabba fatturi metodoloġiċi u tekniċi. L-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP mistennija taċċellera għal 2.1% s-sena d-dieħla, minħabba l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni kif ukoll minħabba li hu mistenni li l-attività ekonomika tirpilja. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni hi prevista li tinnormalizza xi ftit u għalhekk, l-inflazzjoni mistennija tinżel għal 1.8% sal-2024.

Il-politika fiskali hija mbassra li tibqa' espansiva ħafna fl-2021, parzjalment xprunata mill-estensjoni tal-għajnuna relatata mal-COVID-19. Fl-2021, id-defiċit tal-gvern ġenerali għandu jonqos bi ftit għal 9.6% tal-PDG. Id-defiċit huwa mistenni li jonqos sostanzjalment matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir hekk kif jiskadu l-miżuri tal-COVID-19 u jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Sal-2023, huwa mistenni li jonqos għal 3.1% tal-PDG. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG huwa mistenni li jkompli jiżdied, u jilħaq il-livell ta' 61.2% sal-2023 qabel ma jonqos bi ftit għal 61.1% fl-2024.

Ir-riskji għall-attività ekonomika fuq perjodu medju ta' żmien jitqiesu bbilanċjati, b'xi riskji li fl-immedjat jxaqilbu 'l fuq. Fuq naħa waħda, il-proporzjon tat-tfaddil qiegħed f'livelli għoljin storiċi u huwa previst li jibqa' ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija sal-2023. Tnaqqis aktar mgħaġġel fil-proporzjon tat-tfaddil - xprunat ukoll mid-domanda - jista' jwassal għal tkabbir aktar mgħaġġel milli mistenni fl-attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, jekk l-ostakli fil-provvista jippersistu għal aktar żmien milli kien maħsub, dan jista' jillimita aktar l-attività fil-manifattura u jkompli jsostni pressjonijiet inflazzjonarji għal żmien itwal, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq id-domanda domestika. Barra minn hekk, l-inċertezza madwar il-pandemija żdiedet bil-varjant il-ġdid, u dan jista' joħloq riskji speċjalment għat-turiżmu matul l-ewwel kwart tal-2022.

Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-riskji huma aktar ċari u jxaqilbu 'l fuq. B'mod partikolari, jekk l-ostakli fil-provvista u l-iżbilanċi bejn id-domanda u l-provvista jippersistu, aktar negozji jistgħu jiġu kostretti biex jgħollu l-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, id-defiċit fl-2021 jista' jkun aktar baxx minn dak mistenni minħabba l-possibbiltà ta' tkabbir aktar b'saħħtu fid-dħul mit-taxxa. Fl-2022, id-defiċit jista' jkun ogħla minn dak mistenni minħabba ċ-ċans ta' miżuri addizzjonali biex tittaffa ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u l-possibbiltà ta' għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru nazzjonali.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi żewġ siltiet. L-ewwel silta tagħti ħarsa lejn iż-żieda riċenti fin-nuqqas ta' provvista u ta' ħaddiema f'Malta, fejn jintużaw it-tweġibiet mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja fost in-negozji, kif ukoll informazzjoni mill-eżerċizzju tal-Business Dialogue tal-Bank. Imbagħad tiddeskrivi l-implikazzjonijiet li dawn għandhom fuq it-tbassir. It-tieni silta tiddeskrivi l-implikazzjonijiet tal-Baġit 2022 fuq it-tbassir fiskali.

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju