News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

26/11/2021 15:40:00

Workshop Annwali tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali

Il-Ġimgħa 26 ta' Novembru 2021, ir-Research Department tal-Bank Ċentrali ta' Malta organizza Research Workshop ta' nofstanhar li matulu nieda r-Research Bulletin annwali tal-Bank. Il-Bulletin huwa l-pubblikazzjoni ewlenija tar-riċerka annwali tal-Bank li juri għażla tar-riċerka u jagħmilha disponibbli għal udjenza usa'.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, ta bidu għal dan il-Workshop. Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Professur Scicluna ta ħarsa ġenerali lejn l-erba' artikli tar-Research Bulletin. L-artikli huma dwar it-trażmissjoni ta' xokkijiet esterni lill-ekonomija lokali, il-mobbiltà matul il-pandemija tal-COVID-19, ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni u s-salarji f'Malta u kif il-bidliet fir-rata tal-kambju huma trażmessi lill-prezzijiet domestiċi għall-konsumatur. Il-Bulletin, flimkien mal-firxa dejjem aktar diversifikata ta' pubblikazzjonijiet u studji ekonomiċi mill-Bank, huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku.

Fl-ewwel preżentazzjoni tal-Workshop, Ms Alexandra Maratou, Senior Policy Analyst fir-Roundtable Ewropea dwar it-Tibdil fil-Klima u t-Tranżizzjoni Ewropea, iffukat dwar l-irwol tal-istrumenti bbażati fuq is-suq skont il-pakkett tal-UE 'Fit for 55' dwar il-klima u l-enerġija.

It-tieni preżentazzjoni ffukat dwar l-aħħar inizjattiva ta' mudellar mill-Bank Ċentrali ta' Malta. Kmieni din is-sena, il-Bank daħal fi ftehim ta' kooperazzjoni mal-Università ta' Macerata għall-iżvilupp ta' mudell Computable General Equilibrium (CGE) għall-ekonomija Maltija. Il-Professur Francesca Severini mill-Università ta' Macerata tat ħarsa komprensiva lejn dan il-mudell, li għadu fl-istadju tal-iżvilupp. Ladarba jitlesta, dan il-mudell ser ikun żieda utli mas-sett ta' mudelli tal-Bank sabiex jiġu indirizzati mistoqsijiet relatati mal-kundizzjonijiet tad-domanda u l-provvista f'industriji speċifiċi.

Ir-Research Bullettin jista' jiġi aċċessat hawn.

Lura lejn l-Arkivju