News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

10/11/2020

Munita tal-fidda li tfakkar il-250 sena mit-twelid ta’ Beethoven

Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita tal-fidda li tfakkar il-mitejn u ħamsin sena mit-twelid tal-kompożitur Ġermaniż Ludwig van Beethoven.

Beethoven twieled f’Bonn, probabbilment fis-16 ta’ Diċembru 1770. Hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa kompożituri ta’ kull żmien. Il-mużika tiegħu timmarka l-qofol tal-istil klassiku tas-seklu tmintax u l-bidu ta’ era ġdida – ir-Romantiċiżmu. Ħajtu u l-mużika tiegħu influwenzaw ħafna kompożituri tas-seklu dsatax bħal Schubert, Mendelssohn, Liszt, Berlioz, Bruckner, Brahms u Wagner. Il-wirt mużikali ta’ Beethoven jinkludi madwar 240 kompożizzjoni, inklużi disa’ sinfoniji, opra, u diversi kunċerti bil-pjanu u kwartetti tal-kordi.

Il-munita, maħduma fir-Royal Dutch Mint, turi l-emblema ta’ Malta u s-sena tal-ħruġ – 2020 – fuq in-naħa ta’ quddiem. Fuq in-naħa ta’ wara tal-munita hemm rappreżentazzjoni ta’ Beethoven ibbażata fuq ix-xbieha ikonika li saret fl-1820 minn Joseph Karl Stieler.

Il-munita għandha valur nominali ta’ €10. Hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 gramma u għandha dijametru ta’ 38.61 millimetru. Il-munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u l-istampar tagħha hu limitat għal 1,500.

Il-muniti jistgħu jinxtraw mill-Malta Coin Centre (MCC) fil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l-Belt Valletta bejn it-8.30am u n-12.30pm, jew online permezz tal-e-shop tal-MCC stess. Il-prezz ta’ kull munita huwa ta’ €65 inkluż il-VAT.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Beethoven Silver Coin

Lura lejn l-Arkivju