News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

27/08/2020

Pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2019

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għadu kif ippubblika t‑tnax‑il edizzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (ir‑Rapport) li jevalwa l‑iżviluppi fis‑settur finanzjarju f’Malta matul l‑2019. Ir‑Rapport jevalwa r‑riskji u l‑vulnerabbiltajiet li joriġinaw kemm mis‑sistema finanzjarja domestika u kif ukoll mix‑xenarju makroekonomiku globali, flimkien ma’ miżuri meħudin mill-awtoritajiet sabiex inaqqsu dawk ir‑riskji. L-istress tests, flimkien ma’ analiżi tas‑sensittività jissupplimentaw din l‑evalwazzjoni, sabiex tkun aċċertata r‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja. Ir‑Rapport jinkludi numru ta’ artikli, kif ukoll analiżi tal‑miżuri makroprudenzjali meħuda riċentement u r‑riżultati tal‑istħarriġ dwar is‑self mill‑banek. Għalkemm ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja tipikament ikopri l‑iżviluppi tas‑sena preċedenti, din l‑edizzjoni qed tinkludi artiklu speċjali dwar l-impatt li qiegħda tħalli l‑pandemija COVID‑19 fuq is‑sistema finanzjarja domestika.

Ir‑Rapport juri li kien hemm titjib fir‑reżiljenza tas‑settur bankarju u li l‑istess settur daħal fil‑pandemija b’livelli ta’ kapital u likwidità b’saħħithom. Matul l‑2019, ilbalance sheet tal‑core domestic banks kompliet tikber sabiex tirrappreżenta madwar 186% tal‑Prodott Domestiku Gross (PDG). Simili għas‑snin preċedenti, is‑self għal xiri tad‑djar flimkien ma’ żieda fid‑depożiti mal‑Eurosistema għamlu tajjeb għal dan it‑tkabbir, b’din tal‑aħħar tigi riflessa f’livelli għoljin ta’ likwidità kif irrappurtata milll‑banek. Dawn il‑banek baqgħu ffokati fuq l‑attivitajiet kummerċjali domestiċi, primarjament iffinanzjati minn depożiti ta’ terminu qasir minn individwi residenti f’Malta. Il‑kwalità tas‑self tagħhom kompliet titjieb, wara tnaqqis fil‑proporzjon tad-dejn li fuqu l-ħlas qiegħed lura (non-performing loans) ta’ residenti f’Malta fis‑settur tal‑kostruzzjoni u l‑proprjetà, u fuq livell inqas fis‑settur ta’ self tal‑familji residenti f'Malta. Dan kollu jirifletti li l-banek komplew iħaddnu miżuri konservattivi fuq is-self. Filwaqt li l‑profittabbiltà tal‑banek baqgħet stabbli u konformi mal‑iżviluppi barra minn Malta, l‑isfidi fuq il‑profittabbiltà baqgħu minħabba x‑xenarju kontinwu ta’ rati tal‑imgħax baxxi, tnaqqis fil‑marġini tar‑rata tal‑imgħax u żieda fl-ispejjeż operazzjonali.

L‑operat tan‑non‑core domestic banks baqa’ b’mod ġenerali ffukat fuq klijenti li mhumiex residenti f’Malta. Il‑banek internazzjonali żammew ukoll il‑profil tan‑negozju internazzjonali tagħhom b’rabtiet negliġibbli mal‑ekonomija domestika. L‑operat tagħhom hu primarjament iddominat mill‑akbar żewġ fergħat ta’ banek barranin, li komplew jikkonsolidaw l‑operat lokali tagħhom. Iż‑żewg gruppi ta’ banek irrappurtaw qligħ pożittiv u livelli ta’ kapital u ta’ likwidità b’saħħithom. B’mod ġenerali, ir‑riskji u l‑vulnerabbiltajiet ta’ dawn il‑banek baqgħu mrażżnin.

Il‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni b'orjentament lokali rrappurtaw pożizzjonijiet ta’ solvenza b’saħħithom u titjib fil‑profittabbiltà. Sadattant, il‑fondi ta’ investiment komplew jadottaw strateġiji prudenti ta’ investiment. Simili għall‑banek, ix‑xenarju ta’ rati tal‑imgħax baxxi qed joħloq sfidi għall‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni li qed jaffettwa l‑profittabbiltà tagħhom. Minkejja dan, ir‑Rapport jaċċenna li ż‑żieda riċenti fil‑volatilità tas‑suq finanzjarju globali tista’ twassal għal bidla fil-prezzijiet tal‑primjums u żieda konsegwenti fir‑riskji ta’ likwidità għas‑settur tal‑fondi domestiċi ta' investiment.

L‑analiżi tikkonferma li s‑sistema finanzjarja domestika baqgħet reżiljenti għal numru ta’ sfidi ewlenin fl-2019, imsaħħa minn kundizzjonijiet makroekonomiċi domestiċi favorevoli. Minbarra dan, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarja mill‑proprjetà immobbli kienu qed jonqsu wara tkabbir aktar moderat fil‑prezzijiet tal‑proprjetà immobbli flimkien ma’ tnaqqis fin‑numru ta’ permessi għal residenzi. Barra minn hekk, il‑proporzjon tad‑dejn tal‑familji fil‑PDG baqa’ relattivament stabbli u kemxejn inqas mil‑livelli għoljin tas‑snin preċedenti.

Madankollu, l‑imxija tal‑COVID‑19 hi mistennija li tagħmel pressjoni bla preċedent fuq setturi ewlenin tal‑ekonomija, li huwa probabbli ħafna li se taffettwa s‑sistema finanzjarja domestika.

Il‑profittabbiltà ser tkun taħt aktar pressjoni, u l‑banek u l‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni se jagħmlu ħilithom biex ifittxu sorsi alternattivi ta’ dħul jew inaqqsu l‑ispejjeż sabiex tinżamm profittabbiltà b’saħħitha. Ix‑xenarju ta’ rati tal‑imgħax baxxi, li mistenni li jippersisti, ser jaffettwa wkoll id‑dħul tagħhom iġġenerat mill‑investimenti u d‑direzzjoni tas‑swieq tal‑kreditu għadha inċerta. Filwaqt li tkabbir inqas mgħaġġel fid‑domanda għall‑kreditu, partikolarment għal xiri ta proprjetà residenzjali, jista’ jħalli impatt fuq id‑dħul tagħhom mis-self, dan jista’ jkun parzjalment ikkumpensat minn domanda ogħla għal self fuq żmien qasir lil kumpaniji għall‑finanzjament ta’ bżonnijjiet rikorrenti. Fl‑istess waqt, il‑kwalità tal‑assi hi mistennija li tiddgħajjef għaliex dawk il‑kredituri affettwati b’mod dirett mill‑kriżi tal‑pandemija, jistgħu jkunu f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal‑ħlasijiet tagħhom lura ta’ dejn. Madankollu, hu mistenni li dawn ir-riskji għas-settur itaffu minħabba l-azzjonijiet meħuda f’waqthom mill‑awtoritajiet superviżorji inkluż il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Gvern Malti u l‑Bank Ċentrali ta’ Malta. F’dan l‑isfond, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jirrakkomanda li l‑banek ikomplu jadottaw prattiċi prudenti ta’ self u fl‑istess waqt ikunu kawti meta jiġu biex jieħdu aktar riskji permezz tal‑istandards ta’ kreditu aktar favorevoli għal min jissellef. L‑istituzzjonijiet finanzjarji huma mħeġġa jżommu strateġiji konservattivi ta’ investiment, u jkomplu jtejbu s‑sinerġiji tal‑ispejjeż sabiex jassiguraw profittabbiltà sostenibbli fuq żmien itwal u kif ukoll livelli ta’ kapital b’saħħithom.

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista’ jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju