News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

25/08/2020

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2020-2022

L-aħħar data tindika li l-ekonomija Maltija x’aktarx ser tkun irreġistrat tnaqqis bla preċedent fit-tieni trimestru tal-2020, għalkemm hemm sinjali ta’ xi stabbilizzazzjoni fit-tielet trimestru. Madankollu, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jistenna li l-prodott domestiku gross (PDG) ta’ Malta se jonqos b’6.6% fl-2020. Sussegwentement, il-PDG għandu jikber b’madwar 6.1% u 4.2% fis-sentejn ta’ wara. Filwaqt li dan it-tbassir hu ferm aħjar minn dak għal pajjiżi oħra fiż-żona tal-euro, il-livell tal-attività ekonomika f’Malta hu mistenni li jkun madwar 7% inqas fl-2022 meta mqabbel mat-tbassir li kien sar qabel l-imxija tal-COVID-19. Fil-fatt, il-PDG ta’ Malta għandu sa nofs l-2022 sabiex jirritorna għal-livelli tal-2019. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir fil-PDG ġie rivedut ’l isfel fl-2020 minħabba esportazzjoni aktar dgħajfa tat-turiżmu. Din ir-reviżjoni għelbet impatt pożittiv aktar b’saħħtu mill-miżuri fiskali, wara t-tħabbir ta’ miżuri ġodda f’Ġunju. Il-miżuri fiskali u ta’ likwidità tal-Gvern huma stmati li jagħtu spinta ta’ tliet punti perċentwali lill-PDG, u jnaqqsu t-tnaqqis fil-PDG b’terz.

L-akbar kontributur għat-tnaqqis mistenni fil-PDG fl-2020 hija l-esportazzjoni netta minħabba l-aspettazzjoni ta’ tnaqqis fid-domanda barranija, restrizzjonijiet fuq attivitajiet relatati ma’ vjaġġar u diffikultajiet fil-provvista globali. Madankollu, id-domanda domestika hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi b’mod negattiv, hekk kif tħassru diversi attivitajiet matul is-sena u żdiedet l-inċertezza, u dan hu mistenni li jħalli impatt negattiv fuq il-konsum u l-investiment privat. Kważi s-setturi kollha huma mistennija li jkunu affettwati negattivament mill-pandemija u l-miżuri assoċjati ta’ trażżin, iżda s-settur tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, it-trasport u l-ħażna, u dak tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, huma mistennija li jkunu l-agħar milquta. Id-domanda domestika hi mistennija tkun l-istimolu ewlieni tal-irkupru fl-2021 u fl-2022, għalkemm il-kontribut tal-esportazzjoni netta hu mistenni wkoll li jsir pożittiv.

Fid-dawl tat-tnaqqis previst fit-tkabbir ekonomiku, huwa mistenni li fl-2020 l-impjiegi jonqsu xi ftit u jwasslu għal żieda fir-rata tal-qgħad. Madankollu, il-miżuri fiskali huma mistennija li jgħinu s-suq tax-xogħol, u għalhekk, it-telf previst fl-impjiegi huwa pjuttost moderat meta mqabbel mat-tnaqqis previst fil-PDG. Barra minn hekk, l-iżviluppi fis-suq lokali tax-xogħol huma ħafna aħjar mix-xejriet osservati fiż-żona tal-euro – f’Ġunju Malta rreġistrat għall-ewwel darba l-iktar rata baxxa tal-qgħad fl-unjoni monetarja. Is-suq tax-xogħol hu mistenni li jirkupra fis-snin ta’ wara minħabba titjib previst fil-livelli tal-attività ekonomika.

Fl-2020, pressjonijiet baxxi fil-prezzijiet domestiċi u internazzjonali għandhom iwasslu wkoll għal tnaqqis fl-inflazzjoni annwali, minn 1.5% għal 0.9%, ibbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur. Madankollu, l-inflazzjoni mistennija wkoll li tiġi sostnuta minn żidiet fl-ispejjeż tal-operat, fil-kuntest ta’ diffikultajiet fil-provvista globali. Fis-snin ta’ wara, l-inflazzjoni mistennija li titla’ bi ftit għal 1.4% sal-2022, f’kuntest ta’ titjib fl-attività ekonomika li għandu jaffettwa l-prezzijiet tas-servizzi u l-inflazzjoni tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija.

Il-finanzi pubbliċi mistennija li jiddeterjoraw fl-2020 minħabba t-tnaqqis previst fl-attività ekonomika u l-introduzzjoni tal-miżuri ta’ sapport relatati mal-COVID-19. Il-bilanċ tal-gvern mistenni li jkun f’defiċit ta’ 8.6% tal-PDG fl-2020. Peress li l-biċċa l-kbira tal-miżuri relatati mal-COVID-19 mistennijin li jiskadu sal-aħħar ta’ din is-sena, id-defiċit mistenni li jonqos fl-2021 u jkun fil-livell ta’ 3.5% tal-PDG sal-2022. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG hu mistenni li jitla’ minn 43.7% fl-2019 għal 57.9% sal-2022, u b’hekk jibqa’ taħt il-valur referenzjarju ta’ 60% tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir, u ferm taħt il-livelli mbassrin għaż-żona tal-euro.

Minħabba l-inċertezza persistenti b’effett tal-pandemija, partikolarment fir-rigward tad-disponibbiltà tal-vaċċin, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika wkoll xenarju aktar sever fejn il-protokolli ta’ saħħa f’Malta u lil hinn ikollhom jiġu msaħħin u estiżi sabiex jitrażżan it-tixrid tal-virus. F’dan ix-xenarju, it-tnaqqis fil-PDG jista’ jilħaq id-9.3% din is-sena. It-tkabbir fil-PDG għandu mbagħad jirkupra għal 5.5% u 3.7% fl-2021 u fl-2022, rispettivament. F’dan il-każ, il-livell tal-PDG jibqa’ taħt il-livelli tal-2019 sal-aħħar tal-2022. Barra minn hekk, ir-rata tal-qgħad togħla aktar u l-inflazzjoni tkun kemxejn iktar dgħajfa. Minbarra dan, id-defiċit tal-gvern jilħaq il-11.3% fl-2020 qabel ma jinżel għal 5.4% fis-sentejn ta’ wara, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jitla’ għal 66.0% sal-aħħar tal-2022.

Aktar dettalji dwar l-aħħar tbassir tal-Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju