News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

05/06/2020

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2020-2022

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jistenna li t‑tkabbir ekonomiku ser ikun affettwat sostanzjalment mill‑imxija tal‑COVID‑19 u mill‑miżuri ta’ trażżin imposti mill‑gvernijiet mad‑dinja kollha sabiex inaqqsu t‑tixrid tal‑virus. Minħabba li hawn ħafna inċertezza fuq l‑evoluzzjoni tal‑pandemija, il‑Bank qiegħed jippreżenta żewġ xenarji, xenarju prinċipali u xenarju iktar sever. Fix‑xenarju prinċipali, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn il‑miżuri ta’ trażżin ikunu pjuttost effettivi, il‑prodott domestiku gross (PDG) mistenni li jonqos b’4.8% fl‑2020, u jiżdied b’madwar 5.8% u 4.2% fis‑sentejn ta’ wara. Minkejja l‑irkupru previst, il‑livell tal‑attività ekonomika mistenni li jkun madwar 6% inqas minn dak mistenni qabel l‑imxija tal‑COVID‑19.

Fix‑xenarju prinċipali, l‑akbar kontributur għat‑tnaqqis fil‑PDG fl‑2020 hija l‑esportazzjoni netta minħabba tnaqqis mistenni fid‑domanda barranija, restrizzjonijiet fl‑attivitajiet relatati ma’ vjaġġar u diffikultajiet fil-provvista globali. Id‑domanda domestika hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi b’mod negattiv, hekk kif it‑tħassir ta’ diversi attivitajiet u l‑inċertezza mistennijin li jħallu impatt negattiv fuq il‑konsum u l‑investiment privat. Id‑domanda domestika mistennija li tkun l‑istimolu ewlieni tal‑irkupru previst fl‑2021 u fl‑2022.

Fid‑dawl tat‑tnaqqis previst fit‑tkabbir ekonomiku, l‑impjiegi mistennijin li jonqsu fl‑2020 u jwasslu għal żieda fir‑rata tal‑qgħad. Madankollu, il‑miżuri fiskali mistennijin jgħinu s‑suq tax‑xogħol, u għalhekk, it‑telf mistenni fl‑impjiegi huwa pjuttost moderat meta mqabbel mat‑tnaqqis previst fil‑PDG. Is‑suq tax‑xogħol hu mbagħad mistenni li jirkupra fis‑snin ta’ wara minħabba titjib previst fil‑livelli tal‑attività ekonomika.

Fl‑2020, pressjonijiet tal‑prezzijiet domestiċi u internazzjonali aktar baxxi għandhom iwasslu għal tnaqqis fl‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP). Madankollu, għall-ewwel, l‑inflazzjoni mistennija li tiġi affettwata minn fatturi ta’ żidiet fl-ispejjeż tal-operat, fil‑kuntest ta’ tnaqqis fil-provvista globali. Fis-snin ta’ wara, l-inflazzjoni mistennija li titla’ bi ftit għal 1.5% sal‑2022, li tirrifletti t-titjib previst fl‑attività ekonomika, li taffettwa l‑prezzijiet tas‑servizzi u l‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija (NEIG).

Il‑finanzi pubbliċi mistennijin li jiddeterjoraw fl‑2020 minħabba t‑tnaqqis previst fl‑attività ekonomika u l‑introduzzjoni tal‑miżuri relatati mal‑COVID‑19. Fix‑xenarju prinċipali, il‑bilanċ tal‑gvern mistenni li jkun f’defiċit ta’ 6.8% tal‑PDG fl‑2020. Peress li l‑biċċa l‑kbira tal‑miżuri relatati mal‑COVID‑19 mistennijin li jitneħħew sal‑aħħar ta’ din is‑sena, id‑defiċit mistenni li jonqos fl‑2021 u jkun fil‑livell ta’ 2.9% tal‑PDG sal‑2022. Il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG mistenni li jiżdied minn 43.7% fl‑2019 għal 55.0% fl‑2022.

Fix‑xenarju sever, huwa preżunt li l‑protokolli ta’ saħħa għandhom jiġu msaħħin u estiżi sabiex titrażżan it‑tieni mewġa ta’ infezzjonijiet. Il‑Bank jistma li t‑tnaqqis fil‑PDG jista’ jilħaq it‑8.3% din is‑sena, u jirkupra b’6.8% u bi 3.8% fl‑2021 u fl‑2022. F’dan il‑każ, il‑livell tal‑PDG ikun madwar 9% inqas mit‑tbassir ta’ Marzu, u jilħaq il‑livelli tal‑2019 biss sal‑aħħar tal‑2022. Barra minn hekk, ir‑rata tal‑qgħad togħla aktar u l‑inflazzjoni tkun kemxejn iktar dgħajfa. Minbarra dan, id-defiċit tal‑gvern jilħaq l‑10.4% fl‑2020, filwaqt li l‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG jitla’ għal 63.0% sal‑aħħar tal‑2022.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju