News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

08/05/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ muniti polikromatiċi li juru ittra Illuminata

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ muniti numiżmatiċi tad-deheb u l-fidda li juru ittra illuminata mill-Gradwali ta’ L’Isle Adam. Il-muniti jiffurmaw parti mill-Europa Programme bit-tema ‘Gotiku’ u għandhom il-marka tal-logo tal-Europa Star.

Il-munita tad-deheb għandha valur nominali ta’ €50 u l-munita tal-fidda għandha valur nominali ta’ €10. Il-muniti tal-€10, li l-istampar tagħhom ser ikun limitat għal 2,500 munita, ser jinħadmu f’0.925 fidda. Kull munita tiżen 28.28 gramma u għandha dijametru ta’ 38.61 millimetru. L-istampar tal-muniti tal-€50 ser ikun limitat għal 400 munita biss. Kull munita ser tinħadem f’0.916 deheb, tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta’ 21 millimetru. Kemm il-muniti tal-fidda u kif ukoll il-muniti tad-deheb huma maħduma f’verżjoni proof. Il-munita tad-deheb ser tinbiegħ għall-prezz ta’ €350, filwaqt li l-munita tal-fidda ser tinbiegħ għall-prezz ta’ €65.

Il-muniti kienu ddisinjati u maħdumin fir-Royal Dutch Mint. In-naħa ta’ quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta’ Malta u l-logo tal-Europa Star. In-naħa ta’ wara tal-muniti turi l-ittra illuminata ‘O’ misjuba fil-Gradwali ta’ L’Isle Adam, li jinsabu fil-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Intużaw tekniki tal-istampar bil-kulur fuq il-muniti sabiex jipproduċu l-kwalitajiet kromatiċi u estetiċi tax-xogħol oriġinali.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jirringrazzja lill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall-kunsens mogħti sabiex jipproduċi dan ix-xogħol fuq il-muniti. 

Il-Gradwali ta’ L’Isle Adam, li jmorru lura għas-sena 1533, jitqiesu li huma l-ifjen manuskritti illuminati ta’ Malta. Dawn jikkonsistu minn sett ta’ għaxar kotba għall-korijiet ikkommissjonati minn skrittorju Franċiż tal-Gran Mastru Philippe Villiers de L’Isle Adam. Dawn il-gradwali ġew prodotti xi żmien wara l-bidu tal-istampar, bil-Bibbja ta’ Gutenberg tal-1455 isservi bħala eżempju ċar. Dan jirrifletti l-kumplessità tal-istampar ta’ partituri tal-mużika, li assigura li l-produzzjoni ta’ manuskritti ta’ kotba għall-korijiet – primarjament bl-użu ta’ tekniki medjevali – baqgħet ħajja fis-seklu sittax.

Il-muniti ta’ din is-sena ser jikkonkludu s-serje ta’ ħames snin iddedikati lil perjodi differenti ta’ forom ta’ arti u storja Ewropea li nġabru fi gruppi ġeneriċi bħala: is-Seklu għoxrin modern (2016), Żmien il-ħadid u l-ħġieġ (2017), Barokk u Rokokò (2018), Rinaxximent (2019) u Gotiku (2020). It-terminu ‘Gotiku’ kien użat għall-ewwel darba minn Giorgio Vasari u llum ġeneralment jintuża biex jiġbor fih l-arti tal-Punent bejn is-sena 1300 u l-bidu tas-seklu sittax.

Bi pjaċir inħabbru li, wara l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-counter tal-Malta Coin Centre tal-bini prinċipali ser jerġa’ jiftaħ mill-ġdid għall-pubbliku minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Mejju 2020 u ser ikun miftuħ matul il-ġimgħa mit-08:30am san-12:30pm. Il-counter jinsab temporanjament fl-entratura tal-Bank u ttieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha ta’ saħħa sabiex tiġi assigurata s-saħħa tal-impjegati tagħna u tal-klijenti tagħna. Il-klijenti huma ġentilment mitluba jimxu mal-proċeduri tal-Bank – li daħlu fis-seħħ f’konformità mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa – u meħtieġa jidentifikaw lilhom infushom qabel ma jirċievu s-servizzi tal-Bank. Sadattant, ix-xiri xorta jista’ jsir permezz tal-eshop.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

L'Isle Adam - Deheb  L'Isle Adam - Fidda

Lura lejn l-Arkivju