News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

21/04/2020

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2019 li jinkludi rapporti finanzjarji dettaljati. Ir‑Rapport jiftaħ bi stqarrija tal‑Gvernatur u jkompli b'analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, u kif ukoll b'analiżi dwar il‑politika u l‑operat tal‑Bank. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il‑kundizzjonijiet ta' finanzjament li jaffettwaw kumpaniji f'Malta, is‑sostenibbiltà tad‑dejn pubbliku u l‑karta tal‑bilanċ ta' setturi istituzzjonali differenti.

Ir‑Rapport jinnota li s‑sena l‑oħra l‑ekonomija Maltija kompliet tirreġistra rata b'saħħitha ta' tkabbir. Għalkemm it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) immodera għal 4.4% fl‑2019 minn 7.3% fl‑2018, baqa' 'l fuq mill‑medja storika tiegħu. It‑tkabbir kien xprunat mid‑domanda domestika.

Ir‑rata medja annwali tal‑inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur battiet għal 1.5% fl‑2019 minn 1.7% fl‑2018, minħabba tkabbir inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tas‑servizzi u l‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. B'kuntrast għal dan, l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijjiet bl‑Imnut telgħet minn 1.2% għal 1.6%. Parti mid‑dinamika differenti fiż‑żewġ indiċi tirrifletti t‑trattament differenti tal‑infiq tat‑turisti.

Il‑bilanċ fiskali pożittiv naqas bi ftit meta mqabbel mal‑2018, filwaqt li kompla jonqos id‑dejn fil‑PDG. Malta kompliet tamministra bilanċ pożittiv b'saħħtu fil‑kont kurrenti.

Il‑Bank jirrimarka li fiż‑żmien qarib, il‑PDG ser ikun affettwat b'mod sinifikanti mill‑effetti negattivi tal‑COVID‑19 fuq il‑fiduċja, minn tfixkil fil‑ktajjen ta' provvisti globali u minn tnaqqis fid‑domanda għal numru ta' setturi tas‑servizzi, l‑aktar dawk relatati mat‑turiżmu. Madankollu, it‑tkabbir għandu jirkupra mill‑2021. Il‑bilanċ fiskali ser ikun ukoll affettwat b'mod negattiv. L‑użu tal‑ispazju fiskali maħluq fis‑snin riċenti u l-istimolu monetarju mħabbar mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f'Marzu 2020, għandhom jgħinu jtaffu ftit l‑impatt negattiv tal‑COVID‑19 fuq l‑attività ekonomika f'Malta. Madankollu, it‑tbassir tal‑attività ekonomika, għal Malta u kif ukoll globalment, jiddependi b'mod kritiku fuq it‑tul tal‑pandemija, kif ukoll id‑daqs tar‑rispons fiskali lokali u globali.

Matul is‑sena, il‑Bank kompla jimplimenta d‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema f'Malta, permezz ta' faċilitajiet permanenti, miżuri għall‑provvediment ta' likwidità u l‑Programm ta' Xiri mingħand is‑Settur Pubbliku (PSPP). Hekk kif il‑likwidità baqgħet għolja, l‑istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu komplew ipoġġu fondi eċċessivi mal‑Eurosistema permezz tal‑faċilità ta' depożiti overnight u m'għamlux użu mill‑faċilità tas‑self marġinali. Ammonti mislufin permezz ta' faċilitajiet oħrajn kienu minimi jew ferm inqas minn ħlas lura ta' self preċedenti, hekk kif  il-likwidità lokali kienet abbundanti.

Il‑karta tal‑bilanċ tal‑Bank kompliet tespandi u laħqet id‑€9,288.2 miljun fl‑aħħar tal‑2019. Il‑qligħ mill‑operat qabel it‑trasferiment għal provvedimenti żdied għal €49.5 miljun mit‑€38.3 miljun fl‑2018, primarjament minħabba żieda fil‑qligħ kapitali mill‑bejgħ ta' titoli u qligħ realizzat mil‑likwidazzjoni parzjali ta' fondi mmaniġġjati esternament. Tnaqqis fit‑telf fir‑rivalutazzjoni tal‑prezzijiet fuq titoli kkontribwixxa wkoll b'mod pożittiv. Wara t‑trasferiment ta' €18‑il miljun għal provvedimenti, l‑ammont ta' €31.5 miljun hu pagabbli lill‑Gvern ta' Malta.

Il‑Bank kompla jagħti pariri lill‑Gvern dwar żviluppi leġiżlattivi u regolatorji speċifiċi għall‑istabbiltà finanzjarja. Il‑Bank wettaq evalwazzjonijiet regolari tal‑kundizzjonijiet fis‑settur finanzjarju, filwaqt li saħħaħ il‑qafas tiegħu makroprudenzjali u l‑politika tiegħu tal‑immaniġġjar tal‑kriżijiet. Abbażi tal‑evalwazzjoni tar‑riskji potenzjali relatati mat‑tkabbir fil‑kreditu eċċessiv, il‑Bank żamm ir‑rata tal‑bafer kontroċikliku tal‑kapital  fil‑livell ta' 0%. Il‑bafer ta' konservazzjoni tal‑kapital ġie introdott b'mod sħiħ, bil‑banek mitluba jżommu kapital addizzjonali ta' 2.5% ta' assi stmati abbażi ta' riskju. L‑istituzzjonijiet sinifikanti domestiċi ffurmaw parti mill‑analiżi tas‑sensittività tal‑2019 fuq stress tal‑likwidità mnedija mill‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)/is‑Superviżjoni Bankarja tal‑BĊE.

Wara konsultazzjoni pubblika, id‑Direttiva Nru 16 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar ir‑Regolament dwar Miżuri tas‑Self daħlet fis‑seħħ f'Lulju 2019. Konsultazzjoni pubblika oħra ffukat dwar ir‑reviżjoni ta' metodoloġija għall‑identifikar ta' istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra u l‑ikkalibrar tal‑bafer kapitali relatat, li jallinja l‑qafas domestiku mal‑Linji Gwida tal‑Awtorità Bankarja Ewropea.

Matul is‑sena, il‑Bank kompla joffri lekċers pubbliċi f'firxa wiesgħa ta' suġġetti relatati mal‑interessi tiegħu. Il‑Bank ippubblika wkoll ir‑riżultati tat‑tielet wave tal‑Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Households u beda preparamenti għar‑raba' wave mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika. L‑impjegati bdew ukoll janalizzaw informazzjoni miġbura fl‑Istħarriġ dwar l‑użu ta' mezzi ta' pagamenti.

Id‑Direttiva Nru 5 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġiet immodifikata sabiex tagħti s‑setgħa lill‑Bank jiġbor informazzjoni statistika minn fondi tal‑pensjonijiet. Il‑Bank estenda l‑aċċess għar‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu għall‑Bank Malti ta' Żvilupp u kompla bil‑proġett tal‑AnaCredit tas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali. Filwaqt li ħa aktar passi sabiex itejjeb il‑kwalità tad‑data, il‑Bank kompla jmexxi aktar settijiet ta' data għall‑pjattaforma statistika ewlenija tiegħu. Barra minn hekk, l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta waqqfet Joint Coordination Group sabiex jikkordina r‑rappurtar tad‑data finanzjarja.

Il‑Bank ikkollabora ma' banek ċentrali nazzjonali oħrajn dwar il‑konsolidament tal‑aspetti tekniċi u funzjonali relatati mal‑infrastruttura li tintuża sabiex jiġu ssetiljati l‑pagamenti u mmodifika l‑istandards regolatorji li jappoġġjaw id‑Direttiva dwar is‑Servizzi ta' Pagament. Beda wkoll ix‑xogħol fuq it‑twaqqif ta' ċentru tal‑pagamenti. Twaqqif uffiċċju taċ‑ċibersigurtà sabiex jiġbor intelliġenza dwar it‑theddid relatat maċ‑ċibersigurtà, filwaqt li task force interna ltaqgħet regolarment biex tiddiskuti żviluppi mal‑ħruġ tar‑Renju Unit mill‑Unjoni Ewropea.

Il‑Fondazzjoni Bank Ċentrali ta' Malta twaqqfet biex tappoġġja proġetti fil‑qasam tal‑edukazzjoni, kultura, riċerka xjentifika, wirt nazzjonali u kawżi soċjali. Il‑Bank ingħaqad ukoll man‑Network for Greening the Financial System, li tgħaqqad flimkien diversi banek sistemikament importanti u assiguraturi globali.

B'ħarsa 'l quddiem, il‑Bank ser ikompli jwettaq id‑diversi funzjonijiet tiegħu. Fl‑2020, il‑Bank ser ikun qed jipparteċipa f'diskussjonijiet tal‑Eurosistema dwar ir‑reviżjoni tal‑istrateġija tal‑poltika monetarja. Prijoritajiet oħrajn jinkludi l‑provvediment ta' servizzi ta' aġenzija lill‑istituzzjonijiet lokali għall‑ħlas ta' pagamenti f'euro u l‑iżvilupp ta' proġetti fil‑qasam tal‑big data u t‑tagħlim awtomatiku permezz ta' kollaborazzjoni mal‑akkademiċi. Il‑Bank qed jipparteċipa b'mod attiv ukoll fil‑proċess ta' appoġġ għall‑ekonomija Maltija sabiex jiġu miġġielda l‑effetti tal‑COVID‑19 u biex jiġi ppjanat l‑irkupru mill‑pandemija.

Ir‑Rapport Annwali għall‑2019 jinsab fuq issit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju