News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

21/04/2020

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2020-2022

L‑aħħar tbassir ekonomiku tal‑Bank sar abbażi tal‑informazzjoni disponibbli sat‑28 ta' Frar 2020, qabel l‑ewwel każ tal‑COVID‑19 f'Malta.

Dak iż‑żmien, il‑Bank Ċentrali ta' Malta bassar li t‑tkabbir ekonomiku ser jimmodera iżda jibqa' b'saħħtu matul is‑snin li ġejjin. It‑tkabbir kien primarjament mistenni li jkun sostnut mill‑komponenti kollha tad‑domanda domestika. Meta mqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank ippubblikat f'Diċembru 2019, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) ġie rivedut 'l isfel fl‑2020. Bl‑istess mod, ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi kien mistenni li jbatti iżda jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika. Sadattant, l‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), kienet imbassra li tirpilja minħabba żidiet aktar mgħaġġlin fil‑prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.

Il‑bilanċ tal‑gvern kien mistenni li jibqa' pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b'tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG kien imbassar li jinżel għal 36.1% sal‑2022.

Madankollu, il‑kriżi globali ta' saħħa tal‑COVID‑19 sadattant ikkawżat xokk ekonomiku b'saħħtu u kontinwu. F'dan ir‑rigward, il‑Bank Ċentrali ta' Malta għamel xi stimi preliminari tal‑impatt tal‑miżuri ta' trażżin imposti mill‑gvern Malti sal‑15 ta' Marzu 2020. F'dak il‑mument, il‑Bank stima li l‑miżuri ta' trażżin imposti sa dik id‑data għandhom inaqqsu t‑tkabbir fil‑PDG b'madwar 3.5 punti perċentwali, meta mqabbel mat‑tbassir normali. Minbarra dan, b'riżultat tat‑tnaqqis fit‑tkabbir fil‑PDG, il‑bilanċ fiskali ser ikun affettwat ħażin b'madwar 0.8 ta' punt perċentwali.

Il‑fluwidità ta' din is‑sitwazzjoni u l-inċertezza fuq it-tul ta' żmien tal-pandemija jfissru li dawn l‑istimi huma kkaratterizzati minn livell għoli ta' inċertezza. Għalhekk, il‑Bank qiegħed kontinwament jaġġorna t‑tbassir tiegħu hekk kif informazzjoni ġdida ssir disponibbli.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju