News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

03/03/2020

Stħarriġ dwar l-Użu ta’ Mezzi ta’ Pagamenti

Aktar minn terz tal-Maltin iġorru bejn €21 u €50 fil-kartiera tagħhom, b’inqas minn wieħed minn kull għaxra jġorru aktar minn €100, skont l-Istħarriġ dwar l-użu ta’ mezzi ta’ pagamenti li sar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Il‑maġġoranza tar‑rispondenti (38.5%) normalment iġorru bejn €21 u €50, filwaqt li 20.9% tal‑households iġorru bejn €11 u €20, u 18.3% jġorru bejn €51 u €100. 9.5% biss iġorru aktar minn €100.

Huwa interessanti li 92.4% tal‑households qalu li r‑raġuni prinċipali għall‑użu ta’ flus kontanti hija l‑użu faċli tagħhom. Huma qalu li jħossuhom iktar siguri minn metodi oħra ta’ pagament, minkejja r‑riskju sostanzjali peress li jistgħu jinsterqu faċilment. Fil‑fatt, 8% biss kienu komdi li jġorru aktar minn €200.

Dawn huma wħud mill‑figuri ewlenin li joħorġu mill‑istħarriġ tal‑Bank, li sab li l‑households fl‑2018 xorta waħda baqgħu jiddependu ħafna fuq flus kontanti għall‑biċċa l‑kbira tax‑xiri tagħhom. Madankollu, aktar nies qegħdin jużaw mezzi alternattivi ta’ ħlas meta mqabbla mal‑istħarriġ preċedenti ħames snin qabel.

Il‑preferenza għall‑istrumenti tradizzjonali ta’ pagament – minkejja l‑ispejjeż u r‑riskji assoċjati – tista’ tkun minħabba diversi raġunijiet, inkluż in‑nuqqas ta’ rieda biex jibdlu d‑drawwiet tagħhom, in‑nuqqas ta' għarfien fir‑rigward tal‑istrumenti moderni ta’ pagament, u wkoll għall‑fornituri li jaċċettaw biss pagamenti bi flus kontanti jew ċekkijiet.

B’mod ġenerali, bejn l‑2013 u l‑2018, kien hemm żidiet sinifikanti fl‑aċċessibbiltà tal‑pagamenti online, debiti diretti u kards imħallsin bil‑quddiem. Aktar xiri ta’ valur konsiderevolment għoli qed isir b’kards tad‑debitu, kards tal‑kreditu u ċekkijiet minflok bi flus kontanti, filwaqt li l‑ġenerazzjoni żagħżugħa għandha perspettiva differenti dwar diversi mezzi ta’ ħlas.

B’ħarsa ’l quddiem, proporzjon sinifikanti fost il‑gruppi tal‑etajiet kollha wera li xorta għadu bil‑ħsieb li juża flus kontanti matul il‑ħames snin li ġejjin, iżda perċentwal kbir bi ħsiebu li jagħmel użu ikbar ta’ kards tad‑debitu u tal‑kreditu fil‑futur, għad‑detriment tal‑użu taċ‑ċekkijiet. Fl‑2017, iċ‑ċekkijiet ammontaw għal 17.3% tat‑tranżazzjonijiet bla flus kontanti f’Malta, l‑ogħla rata fl‑Unjoni Ewropea, fejn il‑medja hija 1.7% biss.

“Għalkemm iċ‑ċekkijiet mhumiex metodu effiċjenti ta’ pagament minħabba ċ‑ċiklu twil tal‑clearing u l‑involviment tal‑ipproċessar ferm intensiv u għali, dawn jistgħu jkunu attraenti l‑aktar minħabba l‑fatt li ċ‑ċekkijiet huma strumenti b’xejn u negozjabbli”, jgħid ir‑rapport.

Ir‑rapport jinnota n‑nuqqas ta’ għarfien fir‑rigward ta’ kemm kull strument ta’ pagament huwa sigur meta jiġi għar‑riskju ta’ telf finanzjarju permanenti. L‑iżvelar mhux mixtieq ta’ informazzjoni personali ssemma wkoll mir‑rispondenti fl‑istħarriġ, li jista’ jispjega għaliex 29% qalu li l‑flus kontanti huma l‑aktar strument ta’ pagament sigur. Barra minn hekk, għall-mistoqsija dwar kards tal‑kreditu, kards imħallsin bil‑quddiem, trasferimenti diretti u ta’ kreditu, pagamenti bil‑mobile u online, ir-rispondenti qalu li ma setgħux jidentifikaw il‑livell tar‑riskju involut f’dawn l‑istrumenti ta’ pagament.

L‑istħarriġ jindika wkoll li hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar il‑benefiċċji tad‑diversi strumenti ta’ pagament.

Ir‑rapport jappella għal kampanja edukattiva fil‑pajjiż kollu sabiex il‑pubbliku jiġi infurmat dwar il‑vantaġġi, l‑iżvantaġġi, il‑benefiċċji u l‑limitazzjonijiet tal‑istrumenti kollha ta’ pagament sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet aħjar meta jagħmlu pagamenti.

Ir‑rapport jgħid li, “L‑użu tal‑kard ta’ Tal‑Linja huwa eżempju ċar li, jekk il-pubbliku jkollu l‑informazzjoni neċessarja, il‑pubbliku jista’ jkun lest li jibdel għal sistema mingħajr flus kontanti u jagħmel użu ta’ kards u strumenti u mezzi oħra ta’ pagament.”

Is-sigurtà tal-istrumenti ta' pagament

Jidher li hemm ftit għarfien rigward kemm kull strument ta' pagament huwa sigur fir‑rigward tat‑telf finanzjarju permanenti jew tal‑iżvelar mhux mixtieq ta’ informazzjoni personali. Pereżempju, 46.0% tal‑households f’dan l‑istħarriġ qalu li l‑flus kontanti huma strument ta’ pagament sigur jew sigur ħafna. Barra dan, 27.4% wieġbu li l‑flus kontanti la huma riskjużi u lanqas siguri, meta fil‑fatt il‑flus kontanti huma esposti għar‑riskji ta’ serq u l‑falsifikazzjoni.

Meta ġew mistoqsijin dwar is‑sigurtà taċ‑ċekkijiet, 50.0% tal‑households qalu li ċ‑ċekkijiet huma siguri jew siguri ħafna, u 4.8% biss ikkonsidraw iċ‑ċekkijiet bħala riskjużi jew riskjużi ħafna, bil‑45.0% l‑oħra tal‑households ma kinux ċerti jew ma kinux jafu.

Sadanittant, 53% tal‑households qalu li l‑kards tad‑debitu huma siguri jew siguri ħafna, 35.4% ma kinux jafu kemm huma riskjużi, u 11.6% qalu li kienu riskjużi jew riskjużi ħafna. B’mod ġenerali, dan ix‑xenarju jgħodd ukoll għall‑kards tal‑krediu għalkemm il‑households jirrikonoxxuhom bħala inqas siguri mill‑kards tad‑debitu. Meta l‑households ġew mitluba biex iwieġbu dwar kards imħallsin bil‑quddiem, debiti diretti, trasferimenti ta’ kreditu, pagamenti bil‑mobile u online, proporzjon sinifikanti ma setax jidentifika l‑livell tar‑riskju u s‑sigurtà f’dawn l‑istrumenti tal‑pagament. 

Infographic

Lura lejn l-Arkivju