News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

16/12/2019

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2019-2022

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jistenna li t‑tkabbir ekonomiku jibqa’ mgħaġġel matul is‑snin li ġejjin u jkun f’medja ta’ 4.1% bejn l‑2019 u l‑2022. It‑tkabbir fil‑konsum privat u fl‑infiq tal‑gvern hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu, filwaqt li l‑investiment hu mistenni li jirkupra mit‑tnaqqis irreġistrat fl‑2018. Meta mqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank, it‑tkabbir fil‑Prodott Domestiku Gross (PDG) ġie rivedut ’l isfel fl‑2019 minħabba li l‑konsum privat fl‑ewwel nofs tas‑sena kien aktar dgħajjef milli mistenni.

Matul il‑perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir fil‑PDG ser ikun sostnut mid‑domanda domestika, l‑aktar minħabba tkabbir b’saħħtu fil‑konsum privat u fl‑investiment. B’kuntrarju għal dan, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta hu mistenni li jkun negattiv fl‑2019 minħabba xenarju internazzjonali dgħajjef, u r‑rata ta’ tkabbir ogħla fl‑importazzjoni bħala riżultat ta’ domanda domestika b’saħħitha. Il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għandu jsir pożittiv fl‑2020 minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fl‑esportazzjoni u tnaqqis fl‑importazzjoni ta’ makkinarji kapitali bħala investiment.

Ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi hu mistenni li jimmodera, iżda jibqa’ b’saħħtu. Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa’ f’livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 3.8% sal‑2022.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur hi mistennija li tbatti bi ftit fl‑2019, qabel ma titla’ għal 1.9% sal‑2022, minħabba tkabbir aktar b’saħħtu fil‑prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.

Barra minn hekk, il‑bilanċ tal‑gvern hu mistenni li jibqa’ pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b’tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG mistenni li jinżel għal ftit aktar minn 35% fl‑2022. Dan it‑tbassir jinkorpora l‑miżuri mħabbra fil‑Baġit għall‑2020. Dan tal‑aħħar jipprevedi wkoll żieda fl‑investiment pubbliku li hija aktar milli kkumpensata minn żidiet fl‑influssi tal‑fondi tal‑UE.

B’ħarsa ’l quddiem, ix‑xenarju estern joħloq riskji negattivi għat‑tbassir tal‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni. Fid‑dawl tal‑avvenimenti riċenti, il‑Bank aġġorna l‑istimi tiegħu tal‑impatt potenzjali ta’ Brexit fuq l‑ekonomija Maltija. Meta wieħed iħares lejn żewġ xenarji, wieħed fejn ir‑Renju Unit ikollu aċċess għal ftehim ta’ kummerċ ħieles jew ftehim simili għal tal‑UE, u xenarju ieħor fejn il‑kummerċ jaqa’ għar‑regoli tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ (WTO) wara negozjati bla suċċess, il‑Bank jistma li l‑PDG ta’ Malta jista’ jonqos b’rata ta’ bejn 0.19% u 0.39% bejn l‑2019 u l‑2021. Filwaqt li dan l‑impatt huwa aktar baxx mir‑rata ta’ 0.5% li ħarġet minn studju preċedenti tal‑Bank fl‑2017, huwa importanti li dawn ir‑riżultati jiġu ttrattati b’kawtela minħabba l‑livell għoli ta’ inċertezza li għadu jiċċirkonda t‑termini tal‑ħruġ tar‑Renju Unit mill‑UE.

Fl‑istess waqt, l‑eskalazzjoni riċenti tal‑inċertezza politika domestika x’aktarx li żżid mar‑riskji negattivi li joħorġu mix‑xenarju estern, speċjalment fl‑immedjat, permezz tal‑possibbiltà ta’ posponiment fil‑konsum privat u l‑investiment. Ir‑riskji għall‑finanzi pubbliċi jxaqilbu ’l fuq fl‑2019, iżda mbagħad, speċjalment fl‑2020, ixaqilbu ’l isfel jekk ir‑riskji fid‑domanda domestika jimmaterjalizzaw u jekk l‑inċertezza politika tkun estiża.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju