News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

15/11/2019

Ħruġ ta’ muniti li jfakkru l-mija u ħamsin sena mill-ftuħ tal-Kanal ta’ Suez

L‑aħħar ħruġ ta' muniti għall‑2019 mill‑Bank Ċentrali ta' Malta ser ifakkar il‑mija u ħamsin sena mill‑ftuħ tal‑Kanal ta' Suez, avveniment li kellu impatt profond fuq l‑ekonomija ta' Malta.

Il‑Kanal ta' Suez sar bil‑ħila umana flimkien mal‑inġinerija tas‑seklu dsatax. Kien formalment inawgurat fis‑17 ta' Novembru 1869, wara perjodu fit‑tul ta' żviluppi fl‑ideat u ħafna tibdil fiċ‑ċirkostanzi.

Dan qassar b'mod drammatiku r‑rotot tal‑kummerċ bejn l‑Ewropa u l‑Asja. B'riżultat ta' dan, Malta saret stazzjon importanti ta' waqfien fil‑vjaġġi fuq ir‑rotta imperjali l‑ġdida li tgħaqqad lill‑Gran Brittanja mal‑imperu tagħha fil‑Lvant. Iż‑żieda fit‑traffiku marittimu xprunat id‑domanda għall‑ħażna tal‑faħam u s‑servizzi relatati mal‑vapuri. Malta wkoll ibbenefikat minn żieda fl‑infiq fl‑infrastruttura navali u militari.

In‑naħa ta' wara tal‑munita tal‑fidda, iddisinjata u mnaqqxa minn Matyas Houf, turi vapuri li jaħdmu bil‑fwar għaddejjin mill‑Kanal ta' Suez. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita, li turi l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta, ġiet iddisinjata minn Noel Galea Bason.

L‑istampar tagħha ser ikun limitat għal 2,000 munita biss. Kull munita għandha valur nominali ta' €10. Il‑muniti għandhom dijametru ta' 38.61 millimetru u jiżnu 28.28 gramma, u kienu maħduma mir‑Royal Dutch Mint f'0.925 fidda.

Il‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60 u tista' tinxtara direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta mit‑8.30 am sas‑1.00 pm.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Suez Canal Coin

Ftuħ tal-Kanal ta' Suez fis-17 ta' Novembru 1869 - Illustrazzjoni

Lura lejn l-Arkivju