News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

21/10/2019 13:10:00

Ħruġ ta’ Munita Kommemorattiva taż-€2 bit-tema ‘Natura u Ambjent’

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed iniedi r‑raba’ munita kommemorattiva taż‑€2 taħt il‑programm ‘Mit‑tfal b’Solidarjetà’, programm li ta lit‑tfal tal‑iskola ċ‑ċans li jiddisinjaw munita.

It‑tema tad‑disinn rebbieħ tal‑munita ta’ din is‑sena hija ‘Natura u Ambjent’, li ssegwi l‑muniti bit‑temi ‘Solidarjetà permezz tal‑Imħabba’, ‘il‑Paċi’ u ‘Wirt Kulturali’.

Joshua Stuart, student tal‑Kulleġġ Maria Regina tan‑Naxxar, għażel rappreżentazzjoni stilizzata b’mod sempliċi tax‑xemx u siġra tal‑frott. Il‑munita għandha l‑azzjoni benevolenti tax‑xemx bħala t‑tema ċentrali, li tipprovdi s‑sħana u d‑dawl, u tippermetti lis‑siġar u l‑veġetazzjoni jikbru u jagħtu l‑frott. Il‑munita ġiet imnaqqxa minn Noel Galea Bason.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser jiġu prodotti f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni u ser joħorġu fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, kif ukoll f’coin cards.

In‑numru ta’ muniti li ser jinbiegħu fi stoċċijiet hu limitat għal 300,000, filwaqt li n‑numru ta’ coin cards hu limitat għal 20,000. Il‑muniti fil‑cards ser juru marka taz‑zekka tal‑Monnaie de Paris, fejn inħadmu l‑muniti. Il‑prezz ta’ stoċċ ta’ 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta’ coin card huwa €7.

Il‑programm dwar ħruġ ta’ muniti ‘Mit‑tfal b’Solidarjetà’ kien ġie mniedi uffiċjalment fl‑2015 bejn il‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni, u l‑Malta Community Chest Fund Foundation.

Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur b’risq il‑Malta Community Chest Fund Foundation. Fl‑2019, €50,000 ġew ippreżentati lill‑E.T. il‑President ta’ Malta George Vella, li jirrappreżentaw il‑qligħ mill‑munita maħruġa fl‑2018.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre. Għal aktar tagħrif il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email fuq  jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Commemorative ‘Nature and Environment’ €2 Issued

Joshua Stuart qiegħed jiġi onorat mill-President Marie-Louise Coleiro Preca għar-rebħ tad-disinn tal-munita tal-euro bit-tema 'Natura u Ambjent' 

Commemorative ‘Nature and Environment’ €2 Issued

Lura lejn l-Arkivju