News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

02/09/2019

Il-Bank Ċentrali Ta’ Malta U l-Università Ta’ Nottingham Iniedu Żewġ Korsijiet Ta’ Taħriġ Dwar l-Attività Tal-Banek Ċentrali

Bankiera ċentrali mill‑Ewropa, l‑Afrika u l‑Lvant Nofsani ser jingħaqdu ma' wħud mill‑kollegi tagħhom Maltin għal żewġ korsijiet organizzati mill‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta, Malta.

Numru ta' gradwati mill‑Università ta' Malta ser jattendu wkoll għall‑korsijiet ta' ħamest ijiem intensivi.

Il‑korsijiet huma parti minn ftehim ta' tliet snin mal‑Università ta' Nottingham, li ser jirriżulta f'aktar opportunitajiet bilaterali tul dan il‑ftehim.

Iż‑żewġ korsijiet ta' taħriġ ta' livell għoli dwar il‑makroekonomija u l‑politika monetarja ser isiru minn żewġ professuri mill‑iSchool of Economics tal‑Università ta' Nottingham - Alejandro Riaño u Paul Mizen. Dan tal‑aħħar ser jagħti lekċer pubblika dwar Brexit fit‑18 ta' Settembru. Aktar informazzjoni dwar din il‑lekċer diġà tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank iżda aktar dettalji ser jingħataw fi żmien xieraq.

Din l‑inizjattiva edukattiva hija waħda minn diversi meħuda mill‑Bank bħala parti mill‑programm tiegħu ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, bil‑għan li jgħin fl‑iżvilupp tal‑karrieri tal‑impjegati tiegħu u kif ukoll joffri opportunitajiet uniċi lil min f'Malta hu interessat jew involut f'din l‑isfera importanti.

Dan l‑avveniment partikolari jsaħħaħ ukoll l‑inizjattiva kontinwa ta' networking mill‑Bank ma' banek ċentrali oħrajn fir‑reġjun u lil hinn, kif ukoll isaħħaħ ir‑rabtiet bejn il‑Bank u universitajiet fir‑Renju Unit.

Informazzjoni dwar korsijiet u avvenimenti organizzati mill‑Bank tinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju