News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

28/08/2019

Pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2018

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed jippubblika l‑ħdax‑il edizzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja fejn jevalwa l‑iżviluppi fi ħdan is‑sistema finanzjarja domestika fl‑2018.

Minn artiklu speċjali li ffoka fuq self tal‑banek relatat mas‑suq tal‑proprjetà ħareġ li filwaqt li riċentement għolew il‑prezzijiet tad‑djar, il‑pagament medju fuq is‑self ta’ kull xahar, meta mqabbel mal‑paga medja, kien ferm aktar baxx minn dak irrappurtat bejn l‑2006 u l‑2007, meta l‑prezzijiet tad‑djar għolew b’rati ferm qawwija ta’ aktar minn 10%.

Il‑kompożizzjoni tas‑self tal‑core domestic banks lejn is‑suq tal‑proprjetà nbidlet b’mod konsiderevoli fl‑aħħar għaxar snin, minn wieħed iffukat fuq self lejn l‑industrija tal‑kostruzzjoni u l‑proprjetà għal self lill‑individwi u l‑familji sabiex jixtru proprjetà residenzjali. Is‑self lill‑individwi u l‑familji għal dan il‑għan żdied bi 8.8% fl‑2018 jew b’0.6 ta’ punt perċentwali aktar mis‑sena preċedenti. Minkejja din iż‑żieda, it‑tkabbir kien għadu ferm inqas mir‑rati tat‑tkabbir ekonomiku qawwi rreġistrat qabel l‑2008, u kien ukoll proporzjonat mat‑tkabbir nominali fil‑PDG.

Mill‑aspett ta’ affordabilità ta’ dawk li qed jixtru r‑residenza tagħhom, kważi nofs is‑self hu kkonċentrat bejn tliet sa ħames darbiet tad‑dħul gross tagħhom. Madankollu, is‑sehem tas‑self fil‑kategorija ta’ dawk li qed jissellfu bejn ħames u sitt darbiet tad‑dħul gross tagħhom żdied matul il‑perjodu evalwat f’dan ir‑Rapport. Dan jindika li wħud minn dawk li qed jissellfu qegħdin jieħdu fuqhom dejn akbar relatat mad‑dħul tagħhom, li jfisser pagamenti akbar fuq is‑self, u li possibbilment jindika żieda fin‑numru ta’ dawk li huma aktar vulnerabbli f’każ ta’ kriżi.

Iktar kmieni din is‑sena l‑Bank ħareġ id‑Direttiva Nru 16 bħala mod sabiex jissalvagwardja minn ċaqliq ċikliku, kemm lil dawk li qed jissellfu u dawk l‑istituzzjonijiet li jsellfu. Dan iċ‑ċaqliq ċikliku jista’ jintensifika ruħu aktar meta jillaxkaw il‑kundizzjonijiet għas‑self, li b’hekk jista’ jwassal għal riskji akbar minn min jissellef u min isellef, li f’każ ta’ żminijiet inqas favorevoli jirriżulta fi tnaqqis ta’ kapaċità biex jitħallas lura d‑dejn.

Studji li saru mill‑Bank jindikaw li d‑Direttiva ser tolqot biss lil 2.7% ta’ dawk li qed jixtru r‑residenza primarja tagħhom u 13.2% tax‑xerrejja kollha ta’ proprjetà residenzjali. Madanakollu d‑Direttiva tagħti diskrezzjoni biżżejjed lil dawk l‑istituzzjonijiet li qed isellfu sabiex jippermettu, fejn ikun xieraq, li wħud minn min qed jissellef jitħallew joħorġu sehem inqas mill‑minimu preskritt fid‑Direttiva.

F’ħarsa aktar wiesgħa tiegħu, ir‑Rapport jistabbilixxi li l‑attività ekonomika domestika b’saħħitha kompliet issaħħaħ ir‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja. It‑tkabbir fis‑self mill‑core domestic banks aċċellera filwaqt li l‑kwalità tal‑assi kompliet titjieb wara tnaqqis fis‑self fejn il‑ħlas qiegħed b’lura (non‑performing loans). Għalkemm għadha titqabbel sew ma’ pajjiżi oħra Ewropej, il‑profittabbiltà tal‑banek liċenzjati f’Malta battiet primarjament minħabba żidiet fil‑provvedimenti.

Minkejja x‑xenarju ta’ rata baxxa tal‑imgħax, id‑dħul nett mill‑imgħax ħa xejra pożittiva minħabba żieda fis‑self. Il‑livell tal‑kapital tal‑banek baqa’ b’saħħtu u konformi mar‑rekwiżiti regolatorji, anke wara stress tests rigorużi, u l‑banek baqgħu joperaw b’likwidità għolja.

Il‑Bank jibqa’ viġilanti għal kwalunkwe riskju sistemiku li jista’ jiżviluppa, u jirrakkomanda lill‑banek u lill‑istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn biex ikomplu jkunu  prudenti fin‑negozju tagħhom, u fl‑istess waqt jippreservaw il‑profittabbiltà tagħhom billi jikkontrollaw l‑ispiża u jisfruttaw l‑avvanzi teknoloġiċi.

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista’ jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju