News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

16/08/2019

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2019-2021

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jistenna li t‑tkabbir ekonomiku jibqa' mgħaġġel matul is‑snin li ġejjin u jkun f'medja ta' 4.4% bejn l‑2019 u l‑2021. It‑tkabbir fil‑konsum privat u fl‑infiq tal‑gvern hu mistenni li jibqa' b'saħħtu, filwaqt li l‑investiment hu mistenni li jirkupra mit‑tnaqqis irreġistrat fl‑2018. Imqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank, it‑tkabbir fil‑Prodott Domestiku Gross (PDG) ġie rrevedut marġinalment 'l isfel fl‑2019 minħabba dewmien fi proġett maġġuri ta' investiment fis‑settur privat.

Matul il‑perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir fil‑PDG ser ikun sostnut mid‑domanda domestika, l‑aktar minħabba tkabbir b'saħħtu fil‑konsum privat u fl‑investiment. B'kuntrarju għal dan, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta hu mistenni li jkun negattiv fl‑2019 u fl‑2020 minħabba xenarju internazzjonali dgħajjef, u rata ta' tkabbir ogħla fl‑importazzjoni bħala riżultat ta' domanda domestika b'saħħitha. Il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għandu jkun pożittiv fl‑2021 minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fl‑esportazzjoni.

Ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi hu mistenni li jimmodera, iżda jibqa' b'saħħtu. Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 3.8% sal‑2021.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li tbatti bi ftit fl‑2019, qabel ma titla' għal 1.9% sal‑2021, minħabba tkabbir aktar b'saħħtu fil-prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija (NEIG).

Barra minn hekk, il‑bilanċ tal‑gvern hu mistenni li jibqa' pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b'tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG mistenni li jinżel taħt l‑40% sal‑2021.

B'ħarsa 'l quddiem, ix‑xenarju estern joħloq riskji negattivi għat‑tbassir tal‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni. B'kuntrarju għal dan, ir‑riskji domestiċi jibqgħu primarjament ixaqilbu 'l fuq fit-tliet snin ta' tbassir. Ir‑riskji għall‑finanzi pubbliċi huma b'mod ġenerali bbilanċjati, hekk kif dewmien possibbli fl‑implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment jista' jiġi megħlub minn żieda fl‑infiq attwali.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn

Lura lejn l-Arkivju