News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

10/07/2019 10:00:00

Il-Queen Mary University of London u l-Bank Ċentrali ta’ Malta jistabbilixxu Programm għall-Viżitaturi Akkademiċi

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta kkonkluda ftehim mal‑Queen Mary University of London (QMUL) dwar Programm għall‑Viżitaturi Akkademiċi. Il‑ftehim kien iffirmat minn Dr Mario Vella, il‑Gvernatur, u l‑Professur Colin Bailey, il‑President u l‑Prinċipal tal‑QMUL.

Permezz ta' dan il‑Programm, il‑Bank qiegħed joffri l‑possibbiltà lil riċerkaturi mill‑iSchool of Economics and Finance tal‑QMUL sabiex jagħmlu riċerka fil‑Bank. Il‑Programm joffri wkoll l‑opportunità lill‑istudenti tad‑dottorat sabiex iwettqu internship mal‑Bank u jagħmlu riċerka f'oqsma ta' interess għall‑Bank.

Dan il‑Programm isegwi konferenza konġunta f'Londra s‑sena l‑oħra u lekċer pubblika mill‑Professur Sujoy Mukerji, Head of the School of Economics and Finance, ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta f'Marzu ta' din is‑sena. Iktar riċenti, il‑Professur Haroon Mumtaz ħa sehem f'diskussjoni waqt workshop tas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali dwar il‑finanzi pubbliċi li sar il‑Bank.

Il‑Programm għandu jirriżulta f'approfondiment ta' benefiċċju reċiproku ta' dawn ir‑rabtiet bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑QMUL, waħda mill‑istituzzjonijiet ewlenin fir‑Renju Unit u membru tar‑Russell Group.

Lura lejn l-Arkivju