News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

10/06/2019

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2019-2021

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jistenna li t‑tkabbir ekonomiku jibqa' b'saħħtu matul is‑snin li ġejjin u jkun f'medja ta' 4.4% bejn l‑2019 u l‑2021. It‑tbassir għall‑attività ekonomika ġie rivedut 'il fuq għall‑2019 minħabba tkabbir antiċipat aktar b'saħħtu fil‑konsum privat, fl-investiment, u fl‑infiq tal‑gvern. B'kuntrarju għal dan, l‑attività ekonomika fl‑2020 ġiet riveduta marġinalment 'l isfel minħabba reviżjoni 'l isfel fit‑tkabbir fl‑investiment.

Matul il‑perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir fil‑PDG ser ikun sostnut mid‑domanda domestika minħabba tkabbir b'saħħtu fil‑konsum privat u fl‑investiment. B'kuntrarju għal dan, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għal tkabbir hu mistenni li jkun negattiv fl‑2019 u fl‑2020 minħabba xenarju internazzjonali aktar negattiv, u rpiljar fit‑tkabbir fl‑importazzjoni li jirrifletti konsum privat u investiment li mistenni jkun b'saħħtu. Dan il‑kontribut għandu jsir pożittiv fl‑2021.

Ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi hu mistenni li jimmodera, iżda jibqa' b'saħħtu. Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 3.8% sal‑2021.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li tbatti bi ftit din is-sena, qabel ma titla' għal 1.9% sal‑2021, minħabba rpiljar fis‑servizzi u fl‑inflazzjoni tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija (NEIG).

Barra minn hekk, il‑finanzi tal‑gvern huma mistennija li jibqgħu f'bilanċ pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b'tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG mistenni li jinżel taħt l‑40%.

B'ħarsa 'l quddiem, ix‑xenarju estern joħloq riskji negattivi għat‑tbassir tal‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni. B'kuntrarju għal dan, ir‑riskji domestiċi jibqgħu primarjament pożittivi. Ir‑riskji għall‑finanzi pubbliċi huma b'mod ġenerali bbilanċjati, hekk kif dewmien possibbli fl‑implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment jista' jiġi megħlub minn żieda fl‑infiq attwali.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju