News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

13/05/2019

Ħruġ ta’ sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2019

Fit‑13 ta' Mejju 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ sett ġdid ta' muniti tal‑euro datat 2019 f'verżjoni brilliant uncirculated. Is‑sett huwa magħmul minn tmien muniti tal‑euro Maltin, kif ukoll munita taż‑€2 li turi t‑tempji preistoriċi Ta' Ħaġrat. Din tal‑aħħar hija r‑raba' minn serje ta' seba' muniti ddedikati għal monumenti preistoriċi Maltin.

It‑Tempji Ta' Ħaġrat fl‑Imġarr għandhom żewġ strutturi ewlenin. L‑ikbar struttura minn dawn it‑tnejn inbniet madwar is‑snin 3,600‑3,200 QK, filwaqt li l‑istruttura l‑oħra nbniet aktar tard madwar is‑snin 3,300‑3000 QK. Is‑sit beda jiġi skavat fl‑1923 minn Sir Temi Zammit u G.G. Sinclair. Id‑daħla grandjuża tat‑tempju bi blata massiva fuqha u t‑tliet tarġiet kbar li mill‑parti ta' quddiem iwassluk fuq l-għatba tad-daħla huma karatteristiċi uniċi ta' dan it‑tempju. It‑Tempji Ta' Ħaġrat huma ddikjarati bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Il‑muniti kollha fis‑sett huma ta' kwalità brilliant uncirculated, u kienu maħduma fil‑Monnaie de Paris fi Franza. In‑naħat nazzjonali tal‑muniti tal‑euro u tal‑munita kommemorattiva taż‑€2 ġew iddisinjati minn Noel Galea Bason. Is‑settijiet, li l‑istampar tagħhom ser ikun limitat għal 15,000 sett, ser jiġu ppreżentati fi blister‑packs attraenti u llustrati.

Is‑settijiet jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC), li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Is‑settijiet jistgħu jinxtraw ukoll mill‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta. Is‑sett ser jinbiegħ għall‑prezz ta' €26.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. 

 

Sett ta' muniti tal-euro datat 2019

Lura lejn l-Arkivju