News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

24/04/2019

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2018 li jinkludi rapporti finanzjarji dettaljati. Ir-Rapport jiftaħ bi stqarrija tal‑Gvernatur u jkompli b'analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, u kif ukoll analiżi dwar il‑politika u l‑operat tal‑Bank. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament f'Malta, is‑sostenibbiltà tad‑dejn pubbliku, l‑assi u l‑obbligazzjonijiet finanzjarji ta' setturi istituzzjonali differenti u selezzjoni ta' riżultati mill‑aħħar stħarriġ dwar l-użu ta' mezzi ta' pagamenti.

Ir‑Rapport jinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'ritmu mgħaġġel, bit‑tkabbir reali fil‑prodott domestiku gross (PDG) jilħaq is‑6.6%. It‑tkabbir kien primarjament xprunat mid‑domanda domestika, partikolarment il‑konsum privat, li kompla jibbenefika minn tkabbir qawwi fid‑dħul disponibbli fil‑kuntest ta' kundizzjonijiet favorevoli ħafna fis‑suq tax‑xogħol. Ċifri settorjali juru li s‑settur tas‑servizzi baqa' l‑istimolu ewlieni tat‑tkabbir ekonomiku, għalkemm is‑setturi tal‑manifattura u l‑kostruzzjoni kibru wkoll. B'kuntrast mat‑tkabbir fil‑PDG, it‑tkabbir potenzjali tal‑produzzjoni batta għal 5.7%. Minkejja dan it‑tnaqqis, dan tal‑aħħar baqa' f'livell għoli minn perspettiva storika. Id‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali kibret għal 1.0% matul is‑sena, għalkemm il‑livell ta' utilizzazzjoni żejda tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija jibqa' ferm inqas minn dak fl‑2015. Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) kompla jindika kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar mill‑medja.

Ir‑ritmu tat‑tkabbir fil‑PDG f'Malta kien aktar mit‑triplu ta' dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro. L‑aħħar tbassir ekonomiku tal‑Bank jissuġġerixxi li t‑tkabbir ekonomiku hu mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm ftit iktar baxx mill‑2018. It‑tkabbir hu mistenni li jilħaq il‑medja ta' 4.2% matul il‑perjodu 2019‑2021.

Ir‑ritmu b'saħħtu tal‑espansjoni ekonomika ġie rifless fis‑suq tax‑xogħol. L‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos u baqgħet ferm inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro. Il‑Labour Force Survey (LFS) juri li l‑impjiegi żdiedu b'rata annwali medja ta' 6.5% matul l‑ewwel tliet trimestri tal‑2018. Il‑biċċa l‑kbira ta' din iż‑żieda kienet xprunata mill‑impjiegi full‑time. Iż‑żieda fl‑impjiegi seħħet minkejja żieda addizzjonali fir‑rata ta' attività. Ir‑rata tal‑qgħad kienet f'medja ta' 3.8% fl‑2018, tnaqqis minn 4.0% fl‑2017. Din kienet f'livell iktar baxx mill‑istima tal‑Bank tal‑miżura strutturali u b'hekk kompliet tissuġġerixxi element ta' skarsezza fis‑suq tax‑xogħol. Ċifri amministrattivi jikkonfermaw l‑iżviluppi favorevoli fis‑suq tax‑xogħol, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati naqas b'653, għal medja ta' 1,847 persuna fl‑2018.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑prezzijiet, ir‑Rapport jinnota li r‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kienet f'medja ta' 1.7% matul l‑2018, żieda minn 1.3% fl‑2017. Din iż‑żieda prinċipalment tirrifletti reviżjoni 'l fuq fil‑piż tas‑servizzi tal‑akkomodazzjoni fil‑bidu tas‑sena. B'kuntrast, l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li teskludi servizzi bħal dawn, battiet għal 1.2% minn 1.4% sena qabel. Skont it‑tbassir tal‑Bank, l‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP hi mistennija li tirpilja gradwalment matul il‑perjodu tat‑tbassir u tilħaq it‑2.0% sal‑2021.

Matul is‑sena koperta, id‑depożiti ta' residenti ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu, u baqgħu s‑sors ewlieni ta' finanzjament għal dawn l‑istituzzjonijiet. Bl‑istess mod, kien irreġistrat aktar tkabbir fis‑self, li kien jirrifletti tkabbir aktar mgħaġġel fis‑self lis‑settur privat. Sadattant, ir‑rati tal‑imgħax fuq id‑depożiti u s‑self lil residenti f'Malta naqsu matul is‑sena. Min‑naħa l‑oħra żdiedu l‑yields fuq bills tat‑Teżor u bonds tal‑gvern. Sadattant, skont l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji (FCI), il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament saru iktar stretti fl‑2018 u baqgħu stretti meta mqabbla mal-passat.

Fl‑ewwel tliet trimestri tal‑2018, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali żdied meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel, minħabba żieda qawwija fid‑dħul li għelbet żieda fl‑infiq. Fl‑erba' trimestri sa Settembru 2018, kemm il‑proporzjon tas-surplus totali tal‑gvern fil‑PDG, kif ukoll dak tas-surplus aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku, baqgħu kważi l‑istess meta mqabblin ma' dawk fl‑2017. Il‑proporzjon tas-surplus totali tal‑gvern ġenerali fil‑PDG laħaq it‑3.6% fit‑tielet trimestru tal‑2018, filwaqt li dak aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku kien inqas, fil‑livell ta' 2.9% tal‑PDG. Sadattant, is‑sehem tad‑dejn tal‑gvern fil‑PDG naqas għal 45.7%, minn 50.1% fl‑2017. L‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi Maltin komplew jitqabblu b'mod favorevoli maż‑żona tal‑euro, fejn il‑bilanċ fiskali taż‑żona tal‑euro baqa' f'defiċit u l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG kien fil‑livell ta' 86.1%.

Matul is‑sena, il‑Bank kompla jimplimenta d‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema f'Malta, permezz tal‑faċilitajiet permanenti, operazzjonijiet għall‑provvediment ta' likwidità u l‑Programm ta' Xiri mingħand is‑Settur Pubbliku (PSPP). Hekk kif il‑likwidità baqgħet għolja, l‑istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu ma għamlux użu mill‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MROs) tal‑Eurosistema u lanqas mill‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq perjodu ta' żmien twil (LTROs). Fl‑istess waqt kompla jiżdied l‑użu tal‑faċilità ta' depożitu. Matul is‑sena l‑Bank xtara €94.2 miljun f'bonds tal‑gvern Malti permezz tal‑PSPP, biex b'hekk ix‑xiri totali qabel l‑amortizzament laħaq €1,042.3 miljun sa tmiem l‑2018.

Il‑karta tal‑bilanċ tal‑Bank kompliet tikber, bl‑assi totali jlaħħqu t‑€8,853.9 miljun fl‑aħħar tal‑2018, minn €8,582.9 miljun sena qabel. Il‑qligħ mill‑operat qabel trasferimenti għal provvedimenti naqas għal €38.3 miljun, minn €51.6 miljun fl‑2017, primarjament minħabba tnaqqis fl‑ammont ta' dħul rikonoxxut fir‑rigward tal‑bilanċ tal‑karti tal‑flus Maltin tal‑ħames serje mhux imsarrfa u li skadew fl‑aħħar ta' Jannar 2018. Tnaqqis fil‑qligħ nett mid‑disponiment ta' strumenti finanzjarji, kif ukoll tnaqqis fid‑dħul nett mill‑imgħax ikkontribwew ukoll għal tnaqqis fil‑qligħ. L‑ammont ta' €10.3 miljun ġie trasferit għal provvedimenti, filwaqt li ammont ta' €28.0 miljun hu pagabbli lill‑Gvern ta' Malta.

Fir‑rigward tal‑istabbiltà finanzjarja, il‑Bank kompla jagħti pariri lill‑Gvern dwar proposti leġiżlattivi tal‑UE li jaffettwaw is‑settur finanzjarju. Il‑Bank kompla jissorvelja mill‑qrib is‑sistema finanzjarja u jimplimenta r‑rakkomandazzjonijiet tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja u tal‑Kumitat Permanenti Domestiku. Il‑Bank ippubblika żewġ Rapporti dwar l‑istabbiltà finanzjarja bbażati fuq il‑valutazzjonijiet tiegħu tar‑riskju, ir‑riżultati ta' stress tests u x‑xogħol relatat mal‑politika makroprudenzjali. Il‑Bank issorvelja aktar l‑istandards tas‑self tal‑core domestic banks u d‑domanda tas‑settur privat għall‑kreditu. Barra dan, il‑Bank nieda konsultazzjoni fuq proposta għal Direttiva dwar il‑Miżuri tas‑Self, immirata lejn is‑self għal xiri ta' proprjetà residenzjali u r‑reżiljenza tal‑karti tal‑bilanċ tal‑banek u l‑households. Sadattant, il‑Bank ipparteċipa f'laqgħat tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB) relatati mas‑settur finanzjarju, kif ukoll f'laqgħat tal‑Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u tal‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il‑Bank ipparteċipa f'evalwazzjoni tal‑MONEYVAL u f'evalwazzjoni oħra li saret f'termini tal‑United Nations (UN) Convention against Corruption. Sadattant twaqqaf Financial Crime Compliance Unit bl‑għan li jsaħħaħ il‑konformità mal‑qafas regolatorju relatat mal‑miżuri kontra l‑ħasil tal‑flus u l‑ġlieda kontra l‑finanzjament tat‑terroriżmu.

Il‑Bank kompla jiltaqa' ma' kumpaniji tan‑negozju u istituzzjonijiet mis‑settur pubbliku f'Malta sabiex jifhem aħjar il‑kundizzjonijiet ekonomiċi, parzjalment permezz ta' żjarat fuq il‑post fl‑oqsma industrijali. Sar aktar xogħol sabiex jiġu żviluppati aktar strumenti tat‑tbassir u l‑funzjoni tar‑riċerka soċjali, filwaqt li l‑pubblikazzjonijiet tal‑Bank bdew jinkludu kummentarji dwar numru ta' indikaturi stmati mill‑Bank, minbarra d‑data uffiċjali. Il‑Bank nieda Research Bulletin u pubblikazzjoni oħra dwar l‑ewwel ħamsin sena tal‑Bank f'għeluq il‑ħamsin sena mit‑twaqqif tiegħu. Barra minn hekk saru numru ta' lekċers pubbliċi ġewwa l‑Bank fl‑oqsma tal‑ekonomija u l‑finanzi, l‑istorja u l‑liġi, b'kontribut mill‑impjegati tal‑Bank u kelliema barranin.

Matul is‑sena, il‑Bank beda jimplimenta l‑proġett tal‑AnaCredit, li jimmira li jipprovdi sett armonizzat ta' data dwar kreditu u dwar ir‑riskju relatat mal-kreditu fil‑pajjiżi parteċipanti. Sadattant, il‑Bank emenda numru ta' direttivi li jimplimentaw l-aħħar Direttiva dwar is‑Servizzi ta' Pagament (PSD2) u r‑Regolament dwar id‑Depożitorji Ċentrali tat‑Titoli (CSDR), u ffirma ftehim li jippermetti lill‑Bank sabiex jamministra parti mill‑portafoll tal‑Fond Soċjali u tal‑Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Il‑Bank qaleb ukoll għal sistema ġdida tal‑kontabilità u tejjeb numru ta' sistemi tal‑IT li jgħaqqdu lill‑Bank mal‑kumplament tas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali (SEBĊ). Il‑Bank irreveda wkoll il‑proċessi tiegħu fid‑dawl tar‑Regolament Ġenerali tal‑UE dwar il‑Protezzjoni tad‑Data (GDPR).

Ir‑Rapport Annwali għall‑2018 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Preżentazzjoni li saret waqt il-Konferenza tar-Rapport Annwali 2018

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2018

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2018

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2018

Lura lejn l-Arkivju