News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

13/03/2019

Muniti li jfakkru l-Gran Carracca Sant’Anna tal-Ordni ta’ San Ġwann

FiI‑15 ta' Marzu 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda li juru l‑Gran Carracca Sant'Anna tal‑Ordni ta' San Ġwann. Il‑muniti nħarġu taħt l‑Europa Programme bit‑tema "Rinaxximent" u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €50 u l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Il‑muniti tal‑€10, li l‑istampar tagħhom ser ikun limitat għal 2,500 munita, ser jinħadmu f'0.925 fidda. Kull munita tiżen 28.28 gramma u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. Il‑muniti tal‑€50, li l‑istampar tagħhom ser ikun limitat għal 400 munita biss, ser jinħadmu f'0.916 deheb u kull munita tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta' 21 millimetru. Kemm il‑muniti tal‑fidda u kif ukoll il‑muniti tad‑deheb huma maħduma f'verżjoni proof.

Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑istemma araldika ta' Malta u l‑logo tal‑Europa Star. In‑naħa ta' wara tal‑muniti turi l‑Gran Carracca Sant'Anna, bastiment tal‑gwerra magħruf għall‑kobor u l‑potenza notevoli tan‑nar tiegħu.

Il‑karrakka kienet waħda mid‑disinji tal‑bastimenti l‑iktar influwenti tar‑Rinaxximent. Il‑karrakki setgħu jservu kemm bħala bastimenti tal‑merkanzija u kif ukoll tal‑gwerra minħabba li kienu mibnijin b'mod robust u kienu jikkombinaw il‑veloċità mal‑manuvrabbiltà. Il‑karrakka Sant'Anna tal‑Ordni ta' San Ġwann ġiet varata f'Diċembru 1522, bejn wieħed u ieħor fl‑istess żmien li l‑Kavallieri tilfu Rodi. Dan il‑bastiment, l‑għaxqa tal‑flotta tal‑Ordni, ġarr lill‑Gran Mastru Philippe Villiers de L'Isle Adam lejn Malta fl‑1530. Dan l‑avveniment immarka l‑bidu tas-soġġorn twil tal‑Ordni fuq il‑gżira u l‑bidu ta' epoka ġdida fl‑istorja ta' Malta.

Il‑muniti ta' din is‑sena ser ikunu parti minn serje ta' ħames snin iddedikati lil perjodi differenti ta' forom ta' arti u storja Ewropea li nġabru fi gruppi ġeneriċi bħala: is‑Seklu għoxrin modern (2016), Żmien il‑ħadid u l‑ħġieġ (2017), Barokk u Rokokò (2018), Rinaxximent (2019) u Gotiku (2020).

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑munita tad‑deheb ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €340, filwaqt li l‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Gran Carracca Sant’Anna tal-Ordni ta’ San Ġwann munita tal-fidda           Gran Carracca Sant’Anna tal-Ordni ta’ San Ġwann munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju