News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

08/02/2019

Il-prospetti għall-ekonomija Maltija 2018-2021

L‑aħħar tbassir ekonomiku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jipprevedi li matul is‑snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa’ b’saħħtu minn perspettiva storika. It‑tbassir għall‑attività ekonomika ġie rivedut ’il fuq għall‑2018 minħabba tkabbir aktar mgħaġġel milli mistenni fil‑konsum privat. B’kuntrarju għal dan, l‑attività ekonomika fl‑2019 ġiet riveduta ’l isfel minħabba li huma previsti prospetti internazzjonali iktar dgħajfin. Matul il‑perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir ser jibqa’ f’livelli għoljin, sostnut minn fatturi ta’ domanda u provvista. B’mod partikolari, proġetti ġodda ta’ investiment u żieda fil‑provvista tal‑ħaddiema huma mistennija li jżommu l-produzzjoni potenzjali f’livell għoli. Id‑domanda domestika, xprunata minn żidiet fil‑konsum u fl‑investiment, hi mistennija li tibqa’ l‑istimolu ewlieni li jsostni l‑espansjoni ekonomika matul il‑perjodu tat‑tbassir. Il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għat‑tkabbir hu mistenni li jsir negattiv mill‑2019, minħabba żieda fit‑tkabbir fl‑importazzjoni.

Ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi hu mistenni li jimmodera, iżda jibqa’ b’saħħtu. Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa’ f’livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 4.0% sal‑2021.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li titla’ għal 2.1% sal‑2021, minħabba żieda fil‑pagi.

Il‑finanzi tal‑gvern huma mistennija li jibqgħu f’bilanċ pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b’tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG mistenni li jinżel taħt l‑40%.

Dan l-aħħar, ix‑xenarju estern sar inqas pożittiv. Dan joħloq riskji negattivi għall‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni. B’kuntrarju għal dan, ir‑riskji għall‑finanzi pubbliċi qegħdin ixaqilbu ’l fuq (żidiet fil-bilanċi pożittivi) minħabba xi dewmien li jista’ jkun hemm fl‑implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment iffinanzjati lokalment.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju